Fil-kurituri tal-kurja Għawdxija qed jissemma bi prominenza isem l-Isqof George Bugeja bħala dak li se jkun l-Isqof il-ġdid t’Għawdex.
L-Isqof Bugeja huwa l-vigarju appostoliku ta’ Tripli, fil-Libja iżda minħabba l-pandemija, il-Monsinjur ilu f’pajjiżna minn Marzu.
ONE News jista’ jikkonferma li fost il-kleru Għawdxi diġà bdiet tiġri l-aħbar li l-Isqof Bugeja se jkun ir-ragħaj spiritwali tal-Għawdxin iżda sa issa l-konferma għadha ma ġietx.
It-Times ukoll irrappurtat li Monsijur Bugeja jista’ jkun l-għażla li toffri kompromess bejn bosta membri tal-kleru f’Għawdex.
Monsinjur George Bugeja twieled ix-Xagħra u jgħodd 57 sena.
Huwa kien ordnat qassis f’Lulju tal-1986 u huwa patri fl-Ordni Franġiskana Minuri.
Bugeja ilu vigarju appostoliku fi Tripli sa minn Frar ta’ tliet snin ilu.
Huwa beda x-xogħol pastorali tiegħu fil-Libja meta mar f’Benghazi sena qabel iċċaqlaq lejn Tripli hekk kif irriżenja l-Isqof Silvestru Magro.
Monsinjur Bugeja kien kappillan tal-parroċċa tas-Sacro Cuor ta’ tas-Sliema u anki serva bħala awditur fuq it-tribunal ekklesjastiku tad-djoċesi Għawdxija.
Huwa magħruf kemm huwa devot tal-Madonna ta’ Pinu u apparti li studja t-teoloġija u l-filosofija, għandu diploma fil-ġurnaliżmu.
Il-kariga ta’ mexxej tad-djoċesi t’Għawdex ġiet vakata meta f’Ottubru li għadda, is-Santa Sede ħabbret li l-Isqof Mario Grech se jkun qed jinħatar Pro-Segretarju tas-Sinodu tal-Isqfijiet.
Kariga li se twasslu biex iħalli l-gżira tat-tliet għoljiet u jmur f’Ruma jaħdem fil-Vatikan u jieħu post il-Kardinal Lorenzo Baldisseri li miegħu qed jaħdem fuq sinodu li sar lejn tmiem is-sena l-oħra fuq il-komunità nisranija ta’ dawk li jgħixu fl-Amażonja.
Mario Grech, li kien ħa post l-Isqof Nikol Cauchi fl-2005, bħalissa huwa l-amministratur appostoliku tad-djoċesi t’Għawdex.
Hu mifhum li l-imxija ħarbtet ftit il-pjanijiet hekk kif sal-Għid, Għawdex kellu jkollu Isqof ġdid imma issa hemm stennija għall-eżitu tat-taħdidiet li qed isiru bejn in-Nunzjatura Appostolika u l-Kongregazzjoni tal-Isqfijiet f’Ruma.
Fl-ittra pastorali tiegħu fil-bidu ta’ dan ix-xahar, l-Isqof Mario Grech ta’ x’jifhem li t-tluq tiegħu mhux il-bogħod hekk kif indirizza lill-merħla nisranija tiegħu billi uża l-kliem li din tista’ tkun l-aħħar darba li qed ikellimhom bħala Isqof tagħhom.