L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta ppubblikaw sejħa miftuħa għal stejjer marbuta mat-tema tal-imħabba. Dawn l-istejjer se jiġu interpretati f’serje ta’ filmati qosra li jiċċelebraw l-imħabba fil-forom kollha tagħha.
Is-sejħa miftuħa tfittex li tiġbor stejjer personali dwar l-imħabba minn koppji anzjani, koppji li bħalissa jinsabu ’l bogħod minn xulxin minħabba l-pandemija tal-COVID-19, u individwi li tilfu lill-maħbubin tagħhom, fost oħrajn, iżda hija miftuħa għal kull min jixtieq jipparteċipa. L-istejjer miġbura se jservu ta’ ispirazzjoni għall-filmati qosra li se jsiru.
Dawk interessati li jipparteċipaw, jistgħu jagħmlu dan billi jibagħtu l-istorja tagħhom permezz ta’ vidjow, stampi jew anke f’forma ta’ test, billi jimlew il-Formola ta’ Google https://forms.gle/Tr5iHTfpSHgFDWai8 jew billi jibagħtu e-mail fuq ippartecipa@vca.gov.mt. Id-data tal-għeluq għas-sottomissjonijiet tal-istejjer hija l-Ħadd 24 ta’ Mejju 2020.
Is-sottomissjonijiet jistgħu jkunu anonimi, u l-korrispondenza kollha tiġi se tiġi ttrattata b’mod kunfidenzjali. L-istejjer li ma jiġux magħżula mhumiex se jintużaw għal xi proġett ieħor.
Iddisinjata u kkummissjonata minn Alex Vella Gregory, ‘F’Dirgħajk (In Your Arms)’ hija pjattaforma għall-parteċipazzjoni pubblika marbuta mal-proġett Romantic Summer, kollaborazzjoni bejn l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, li se tintemm f’kunċert onlajn fit-13 ta’ Ġunju 2020, bil-parteċipazzjoni ta’ Marvic Monreal bħala mezzo-sopran.
Iktar informazzjoni tinstab fuq vca.gov.mt fit-taqsima ‘Calls’.