Missier ta’ żewġt’itfal li kien ilu aktar minn xahar jiġġieled għal ħajtu fl-Isptar wara li safa vittma tal-attakk f’Nizza, fi Franza, tilef il-battalja mal-mewt.
Biex issa n-numru ta’ nies mejta wara li raġel uża trakk biex jibqa’ dieħel f’folla ta’ turisti u Franċiżi waqt ċelebrazzjonijiet fil-pajjiż, tela’ għal sitta u tmenin.
L-attakk li għalih refgħu r-responsabbiltà l-hekk imsejħa Militanti tal-Istat Iżlamiku, twettaq minn raġel Tuneżin li kien jgħix Franza. Fil-lejl tal-attakk inħasdet il-ħajja ta’ tlieta u tmenin persuna, u minn dakinhar ’l hawn, tliet persuni oħra mill-bosta midruba li kienu qed jiġu trattati għall-ġrieħi li ġarrbu fl-Isptar, tilfu ħajjithom. Fost dawk mejta kien hemm għaxart’itfal u żgħażagħ.