B’referenza għall-istqarrija maħruġa mill-Malta Union of Teachers dwar il-parteċipazzjoni tagħha fit-think tank imwaqqaf mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol dwar l-edukazzjoni ta’ għada, fid-dawl tal-COVID-19 u lil hinn. Il-Ministeru fi stqarrija qal li qed jilqa’ b’mod pożittiv l-aċċettazzjoni tal-MUT li jkollha rappreżentant fuq it-think tank.
Bl-istess mod, il-ministeru jilqa’ t-twaqqif fi ħdan l-MUT ta’ grupp ta’ ħidma magħmul minn membri b’esperjenza fil-klassi, li għalhekk se jkun qed jikkontribwixxi wkoll fit-think tank tal-ministeru.
Irid jiġi ċċarat li t-think tank, kif imħabbar ilbieraħ, jinkludi żewġ membri li huma għalliema, bi snin ta’ esperjenza f’livelli differenti tas-settur edukattiv. Fl-istess waqt, il-ministeru sema’ u fehem ir-rispons li tressaq ’il quddiem dwar il-bżonn li jkun hemm ukoll rappreżentanza xierqa ta’ għalliema li jgħallmu ta’ kuljum fil-klassi.
Kif intqal ilbieraħ, matul il-proċess, it-think tank se jagħmel konsultazzjonijiet varji ma’ msieħba fis-settur u lil hinn.
It-think tank se jkun jinkludi wkoll lil Dr Colin Calleja mill-Fakultà tal-Edukazzjoni tal-Università ta’ Malta. Il-gvern jirringrazzja mill-ġdid lill-membri kollha distinti li aċċettaw li jservu fuq dan it-think tank.
L-iskop tat-think tank hu li jippreżenta ’l quddiem diskussjoni, riflessjonijiet u ideat dwar l-edukazzjoni ta’ għada fid-dawl tal-COVID-19 u lil hinn, bil-għan li bħala pajjiż inħarsu minn issa lejn il-futur u ndawru f’opportunità l-isfidi tal-ġejjieni.