Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri, dalgħodu żar l-istazzjon tat-tifi tan-nar fix-Xemxija.
Dr Abela kellu ċ-ċans isegwi mill-qrib ix-xogħol tal-ħaddiema li kienu għaddejjin b’sessjonijiet ta’ simulazzjoni u taħriġ fosthom kif tikkordina missjoni ta’ salvataġġ, kif jersqu qrib u jidentifikaw materjali perikolużi, u anke tifi tan-nar.
Id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili Emmanuel Psaila spjega lill-Prim Ministru kif dawn il-ħaddiema u oħrajn fi stazzjonijiet madwar Malta u Għawdex jirċievu taħriġ li jibqa’ għaddej is-sena kollha bil-għan li jkunu mħejjija aħjar għaċ-ċirkostanzi ta’ emerġenza li l-membri tad-Dipartiment jissejħu fuqhom.
Ir-riżors uman huwa wieħed mill-aqwa investimenti li jista’ jsir f’dan il-qasam u għalhekk it-tmexxija tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili tagħti prijorità lit-taħriġ tan-nies tagħha. Fost oħrajn, kull sena jintbgħat grupp ta’ pumpiera l-Kanada sabiex jingħataw taħriġ f’kundizzjonijiet ta’ temp qawwi filwaqt li kull ħaddiem jingħata taħriġ tal-ewwel għajnuna. Dan minbarra l-investiment kontinwu li qed isir fl-apparat u t-tagħmir tal-Protezzjoni Ċivili.
Il-Prim Ministru stqarr li jinsab grat ħafna għas-servizz u l-protezzjoni li joffrulna dawn l-eroj – lejl u nhar, erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Byron Camilleri spjega kif dan ix-xogħol tista’ ssejjaħlu vokazzjoni għaliex jirrikjedi sagrifiċċju u ħin twil ’il bogħod mill-familja. Huwa qal li baqa’ ħafna xogħol xi jsir u l-Gvern kommess li jibqa’ jinvesti fil-ħiliet tal-ħaddiema.