Fl-aħħar sigħat, żewġ persuni fiequ mill-Coronavirus f’pajjiżna, u żewġ persuni oħra rriżultaw pożittivi.
It-total ta’ nies imfejqa tela’ għal 436, filwaqt li dawk pożittivi mindu feġġ l-ewwel każ f’pajjiżna huma 508. Il-każijiet attivi bħalissa huma biss 66.
Waħda miż-żewġ persuni li fiequ għandha bejn l-20 u d-29 sena, u l-persuna l-oħra għandha bejn it-30 u d-39 sena.
Iż-żewġ każijiet ġodda rriżultaw minn fost 1,143 test, u t-tnejn li huma kienu kuntatti ta’ każijiet li rriżultaw pożittivi fl-aħħar jiem.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, spjega li dan ifisser li l-virus ma feġġx fil-komunità.
Irriżultat pożittiva għall-COVID-19 tfajla ta’ 24 sena li kienet tgħix ma’ xi ħadd li rriżulta pożittiv fl-aħħar jiem. Hija kienet kwarantina, u fil-jum tat-Tlieta bdiet bis-sintomi ta’ deni, uġigħ fil-griżmejn, għejja, qtugħ ta’ nifs, uġigħ fil-ġogi u uġigħ ta’ ras.
It-tieni każ huwa ta’ ħaddiema tas-saħħa ta’ 33 sena fl-Isptar Karin Grech, li fil-jum tat-Tlieta bdiet bis-sintomi ta’ sogħla u uġigħ ta’ ras. Hija ħadmet l-aħħar il-Ġimgħa tmienja ta’ Mejju, u qed isiru t-testijiet mal-qraba.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika spjegat: “Dawk kienu ż-żewġ każijiet li bħalma rajna kienu contacts ta’ każijiet li diġà rajna u allura hemmhekk nibdew naraw li minn dawk it-testijiet kollha li għamilna, li huwa numru sostanzjali, ma ħareġ l-ebda każ li huwa proprju ġdid li ma konniex nafu bis-sitwazzjoni tagħhom.”
Il-Professur Gauci spjegat li l-kwarantina mandatorja għall-immigranti fiċ-Ċentru l-Miftuħ ta’ Ħal Far, tagħlaq f’nofsillejl, ħlief għal erba’ immigranti li kellhom kuntatt mal-aħħar każ pożittiv, fl-ewwel ta’ Mejju.
F’dan iċ-ċentru kien hemm ħamsin każ pożittiv. Minnhom fiequ tlieta u erbgħin, tnejn għadhom attivi, u ħamsa oħra qegħdin fil-perjodu ta’ kwarantina.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika fakkret fil-miżuri li għadhom fis-seħħ u li għandhom jibqgħu jiġu segwiti mill-pubbliku.
Hija sostniet: “Irridu nkomplu nsegwu l-miżuri li qegħdin nirrakkomandaw aħna ħalli b’hekk nibqgħu nżommu din is-sitwazzjoni fejn il-każijiet li qed ikollna qegħdin ikunu każijiet li diġà nafu bihom. Jekk ikollna każijiet ġodda ikunu każijiet li naqbduhom mill-ewwel ħalli aħna nkunu nistgħu nżommu l-containment tagħhom u b’hekk inżommu dejjem il-kontroll tas-sitwazzjoni.”
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/05/13/zewg-persuni-fiequ-u-zewg-kazijiet-godda-ta-coronavirus/