Is-sistema tas-Saħħa f’Malta se tilqa’ kważi mitejn infermier ġdid fiż-żmien li ġej. Dan ikkonfermah id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fil-Jum dinji għall-Infermiera u l-Qwiebel.
Fl-istess jum, statistika tal-EUROSTAT ikkonfermat li Malta kienet fost l-aktar pajjiżi li raw żieda fl-infermiera fl-aħħar 8 snin minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne stqarr: “Din hija xi ħaġa li aħna nieħu pjaċir biha. Fl-2013 fis-saħħa pubblika kien hemm 2,900 infermier, u llum għandna 3,500 infermiera. Dan apparti l-200 infermier ġdid li se jkunu qed jiżdiedu mal-qasam pubbliku tagħna.”
Il-Ministru Fearne spjega li l-Gvern Malti qed jibqa’ jipproteġi l-ħaddiema tas-saħħa tul il-pandemija.
Dan stqarru sigħat qabel il-wasla tar-raba’ ajruplan b’100 tunnellata ta’ apparat mediku li se jintużaw fl-isptarijiet.
Hawnhekk il-President tal-Unjin għall-Infermiera u ll-Qwiebel Paul Pace faħħar ħidmet il-Gvern biex assigura li s-sistema tas-saħħa tkun fl-aħjar stat tul il-pandemija .
Is-Sur Pace spjega: “Iż-żieda fis-sodod fl-isptarijiet kienu inkredibbli, anke ż-żieda ta’ ventilaturi u l-bini ta’ sptar ġdid. Kull ħaġa li kienet essenzjali f’din il-pandemija kellha bżonn l-infermier. L-infermier huwa l-bażi tas-sistema tas-saħħa.”
Saħaq li dik li kellha tkun sena sħiħa ddedikata għall-infermiera u l-qwiebel tefgħet lil din l-istess professjoni taħt il-lenti, tant li l-pubbliku għandu għarfien aħjar ta’ x’titlob din il-vokazzjoni.
Dan kien sentiment li ddomina konferenza oħra tal-aħbarijiet li saret mill-Kunsill tal-infermiera u l-qwiebel li fl-aħħar żmien aġġorna l-kodiċi tal-etika tal-professjoni biex jadatta aħjar mad-domanda tal-lum.
Intant l-Ministru Michael Falzon u s-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis attendew ċerimonja ta’ ringrazzjament lill-infermiera u l-qwiebel li saret fiż-żona ta’ barra Dar il-Madonna fil-Mellieħa.