Fl-okkażjoni tal-200 sena mit-twelid ta’ Florence Nightingale, il-fundatriċi tal-infermiera, saret ċerimonja bħala turija ta’ ringrazzjament lill-infermiera kollha li qed jaħdmu fid-djar tal-anzjani fiż-żona ta’ barra ta’ Dar il-Madonna fil-Mellieħa. Iċ-ċerimonja saret b’tali mod li ġew rispettati d-direzzjonijiet maħruġin mill-awtoritajiet tas-saħħa f’dan iż-żmien ta’ pandemija.
Waqt iċ-ċerimonja, il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li fid-dawl tal-Covid-19, rajna lil pajjiżna preparat speċjalment fejn tidħol il-kura tal-anzjani fir-residenzi. Dan b’kuntrast ma’ diversi pajjiżi oħrajn li fallew bil-kbir fejn jidħol dan il-qasam. Il-Ministru Falzon faħħar ix-xogħol imprezzabbli li qed iwettqu l-frontliners mediċi kif ukoll dawk kollha li jaħdmu ma’ persuni vulnerabbli.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis, li kien preżenti għaċ-ċerimonja, qal li l-infermiera ffaċċjaw ħafna sfidi differenti tul is-snin, iżda qatt ma ffaċċjaw sitwazzjoni bħal dik li għaddej minnha pajjiżna u ħafna pajjiżi oħrajn madwar id-dinja. Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis irringrazzja lill-infermiera u lil dawk kollha li jaħdmu f’dawn ir-residenzi tal-ħidma eċċezzjonali li qed jagħmlu f’dan il-perjodu iebes. “Inħossni vera kburi bikom u b’din il-ħidma prezzjuża li qed tagħmlu b’mod speċjali f’dan il-perjodu. Kieku ma kienx hemm intom tipproteġu lill-anzjani b’tant dedikazzjoni, kieku żgur mhux qed ikollna dawn ir-riżultati”, ikkonkluda s-Segretarju Parlamentari.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità Renzo De Gabriele saħaq dwar l-importanza tal-infermiera fis-servizzi li jingħataw mill-entità. L-infermiera huma involuti fil-kura tal-anzjani fid-djar residenzjali, fil-kura fil-komunità kif ukoll f’ċerti oqsma speċjalizzati bħalma huma l-kura fin-nutrizzjoni, kontroll tal-infezzjonijiet u l-kontinenza. L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità hi kburija bix-xogħol li jwettqu l-infermiera f’dawn l-oqsma u kien permezz tad-dedikazzjoni tagħhom li seta’ jkun hemm riżultati pożittivi fil-ġlieda kontra l-COVID-19.
“Aħna determinati li nkomplu ninvestu fl-ingaġġar ta’ iktar infermiera kif ukoll f’iktar taħriġ speċjalizzat. B’hekk inkunu qed inkomplu nsaħħu dan il-pilastru ewlieni fi ħdan l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità”, temm jgħid il-kap eżekuttiv.