Bosta esprimew in-niket tagħhom għall-aħbar traġika ta’ Frank Aloisio, is-sewwieq ta’ mutur ta’ 51 sena mill-Imsida li tilef ħajtu f’inċident tat-traffiku fi Triq il-Kosta, it-Tnejn filgħaxija.
Huwa mifhum li Aloisio tilef il-kontroll tal-mutur tat-tip Honda u tkaxkar għal diversi metri. Ir-raġel inqabad bejn crash barriers li hemm fit-triq. Bil-mutur baqa’ jitkaxkar għal għonq it-triq minn tal-inqas għal nofs kilometru.
Huwa ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post mit-tabib tal-emerġenza.
Frank tilef ħajtu fuq il-mutur li xtrah ftit tal-jiem ilu.
Fuq Facebook kienu bosta li sellmu l-memorja tiegħu. Fosthom kuġinuh Robert Aloisio.
“Il-kuġin il-kbir tiegħi kellu jħallina hekk”, sostna Robert.
Frank miet fl-istess triq li miet it-terz kuġin tiegħu, Daryl Aloisio.
Daryl Aloisio ta’ 36 sena tilef ħajtu traġikament fid-19 ta’ Marzu tal-2018, wara li tilef il-kontroll tal-mutur tat-tip Yamaha li kien qed isuq.
Sentejn wara, il-familja Aloisio tilfet membru ieħor tal-familja, fl-istess triq u ukoll bil-mutur.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Nadine Lia.