Sewwieq ta’ mutur ta’ 51 sena mill-Imsida jitlef ħajtu wara f’inċident tat-traffiku fi Triq il-Kosta.
Il-każ seħħ għall-ħabta tas-6:15 ta’ filgħaxija.
Huwa mifhum li r-raġel tilef il-kontroll tal-mutur tat-tip Honda VT750 u tkaxkar għal diversi metri.
Is-sewwieq inqabad bejn crash barriers li hemm fit-triq.
Sorsi qrib l-investigazzjoni qalu ma’ one.com.mt li wara l-impatt, il-mutur baqa’ jitkaxkar għal għonq it-triq minn tal-inqas nofs kilometru.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u r-raġel ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post mit-tabib tal-emerġenza.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali mmexxijja mill-Maġistrat Nadine Lia.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.