F’aktar ħidma mill-Pulizija tat-taqsima tat-traffiku fit-toroq Maltin, twaqqaf xufier li nqabad isuq vettura b’veloċita ta’ 193 kilometru fis-siegħa. Din kienet qed tinstaq fi Triq il-Kosta fejn il-veloċità massima hija ta’ 70 kilometru fis-siegħa.
Fl-istess operazzjoni, 9 vetturi nstabu bla numru tar-reġistrazzjoni fuq quddiem, 2 vetturi kellhom il-ħġieġ tinted u 2 xufiera ġew imħarrka wara li m’obdewx ir-regolamenti tat-traffiku.
Fuq sewqan eċċessiv, il-Pulizija ħarku 15-il xufier fi Triq il-Kosta fl-akkwati ta’ Baħar iċ-Ċagħaq, filwaqt li fl-akwati tas-Salini, ġew imħarrka 8 xufiera oħra.
Intant, f’operazzjoni fl-akwati ta’ Baħar iċ-Ċagħaq il-Pulizija nnutat vettura tat-tip Toyota tinstaq b’mod perikoluż. Din kienet qed tinstaq minn ġuvni ta’ 24 sena minn Ħaż-Żebbuġ, u miegħu passiġġiera kien hemm tfajla ta’ 23 sena mill-Mosta.
Il-Pulizija wettqet tfittxija fil-vettura fejn sabet basket żgħir li fih kien hemm sustanza suspettata droga, kif ukoll oġġetti oħra relatati mad-droga. Saret tfittxija ukoll fil-handbag tat-tfajla u fih instabu boroż żgħar bi traċċi suspettata droga. Il-Pulizija arrestat lil dawn iż-żgħażagħ, u qed tinvestiga l-każ.
Intant, il-Pulizija ħarġu ħamsin taħrika oħra għal sewqan eċċessiv fil-Bypass tal-Mellieħa.
ARA WKOLL:
https://www.one.com.mt/2020/05/10/ragel-arrestat-waqt-spezzjonijiet-tat-traffiku-talli-nstab-fil-pussess-ta-sustanza-suspettata-droga/