Fil-binja magħrufa bħala Gateway Building fid-daħla tal-Università ta’ Malta, għaddej xogħol infrastrutturali biex swali ewlenin jinbidlu fi spazju li jiflaħ tnejn u erbgħin sodda, u jservu bħala estensjoni tal-Isptar Mater Dei.
Dawn is-swali temporanji se jkunu jistgħu jilqgħu fihom tnejn u erbgħin sodda ġdida, u jintużaw jekk pajjiżna jaffaċċja l-bżonn ta’ iktar sodod minn kemm hemm fl-Isptar Mater Dei.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi Carmen Ciantar spjegat li dan ix-xogħol sar f’inqas minn ġimagħtejn, u rringrazzjat lill-Università Maltija tal-koperazzjoni f’dawn iż-żminijiet sensittivi.
Is-Sinjura Ciantar qalet, “Kellna niġu biex nagħmlu disinn ta’ dawl, drainage u ilma u anki kapaċità ta’ internet biex inkunu nistgħu nkabbru u nagħmlu sodod f’din is-sala.”
Fi żjara fejn qed isir ix-xogħol, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li qed jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex pajjiżna jkun lest għal kull eventwalità, hekk kif għad hemm il-possibilità tat-tieni mewġa ta’ każijiet ta’ coronavirus kif ukoll pajjiżna jilqa’ għall-epidemija tal-influwenza.
“Din is-sena jista’ jkun ikollna l-COVID u l-influwenza flimkien allura minn issa qed inkomplu bil-preparamenti biex jekk ikollna dik is-sitwazzjoni lejn l-aħħar tas-sena, il-bidu tas-sena d-dieħla, bħalma konna għall-coronavirus, inkunu preparati għal dik is-sitwazzjoni wkoll.” Temm jgħid id-Deputat Prim Ministru.