Gimmick u mhux prijorità. Dawn huma l-aġġettivi li sabet id-deputat u kelliem għas-saħħa tal-Partit Nazzjonalista, Claudette Buttigieg, għas-servizz tal-Air Ambulance li tnieda fl-aħħar jiem. Servizz maħsub biex iġorr pazjenti mill-isptar ta’ Għawdex għal Malta u b’hekk is-servizz tas-saħħa ma jibqax jiddependi fuq il-Forzi Armati ta’ Malta.
Iżda, f’artiklu minn sensiela kontra l-proġett tas-saħħa mal-privat b’investiment ta’ iktar minn mitejn miljun ewro Buttigieg kitbet “Ladarba kien hemm servizz tajjeb mill-Forzi Armati l-introduzzjoni ta’ dan is-servizz kien prijorità?”
F’The Malta Independent Claudette Buttigieg ilmentat li mill-isptar ta’ Għawdex il-pazjenti se jkunu mwassla għall-isptar San Luqa. Kif wara kollox seħħ għal dawn l-aħħar snin. Buttigieg tilmenta li l-gvern messu l-ewwel bena helipad Mater Dei.
Il-helipad ta’ Mater Dei kienet maħsuba għall-fuq is-saqaf tal-emerġenza meta oriġinarjament, fis-snin disgħin, kien ippjanat l-isptar. Iżda, eventwalment ma sarx hemm, għaliex is-soqfa ma kienux jifilħuħ. Tant li meta riċentament kien hemm proġett maħsub għal fuq l-emerġenza, ħareġ li l-konkrit ma kienx b’saħħtu biżżejjed.
Għal xi żmien il-helipad f’Mater Dei kienet ħdejn il-kamra mortwarja, iżda bl-isptar tal-onkoloġija dan ma kienx iktar possibbli. Kien għalhekk li għall-aħħar snin, il-pazjenti tniżżlu San Luqa, xi ħaġa li fi kliem l-eks Ministru tas-Saħħa, Joe Cassar (li miegħu Buttigieg kienet fis-segretarjat privat) kienet soluzzjoni tajba.