Transport Malta diġà rċeviet aktar minn sitt mitt applikazzjoni biex persuni jibdlu l-vetturi tagħhom għal oħrajn li jniġġsu inqas.
Din l-iskema b’investiment ta’ madwar tliet miljun u nofs ewro tniedet fl-24 ta’ April li għadda.
L-applikazzjonijiet ivarjaw minn 342 applikazzjoni għal vetturi li se jieħdu post oħrajn skrappjati u li kienu ilhom iżjed minn għaxar snin fit-triq, 146 applikazzjoni għal vetturi elettriċi, mija u żewġ applikazzjonijiet għal muturi, żewġ applikazzjonijiet għal vannijiet li jġorru s-siġġijiet tar-roti u tmintax-il applikazzjoni għal vetturi li se jiġu kkonvertiti biex jaħdmu bil-gass.
Gilbert Agius minn Transport Malta qal li din l-iskema għall-karozzi elettriċi kienet fost l-iżjed waħda popolari hekk kif diġa nħatfu nofs il-fondi allokati għal vetturi elettriċi li jammontaw għal miljun u nofs ewro.
Huwa spjega: “Qed jidher li l-policy ta’ Transport Malta u l-Gvern qed ikollna konkorrenza tajba ħafna.”
Is-Sur Agius saħaq li l-għan ta’ Transport Malta huwa li jkun hemm firxa ta’ modi differenti ta’ trasport.
Huwa sostna: “Qed noffru bħala Transport Malta firxa ta’ mezz ta’ kif wieħed jivvjaġġa. L-għan ta’ Transport Malta kif ukoll tal-Gvern hu li n-nies jixtru vetturi iżgħar, anqas iniġġsu l-pajjiż sabiex ikollna ambjent aħjar.”
Il-Ministru responsabbli mit-trasport, Ian Borg qal li dan huwa riżultat ieħor pożittiv li jkompli juri l-impenn tal-Gvern sabiex jagħmel id-differenza ambjentali li hemm bżonn.
Sostna li huwa ottimist li l-interess f’dawn it-tip ta’ skemi jkompli jitkattar.