Waqt il-pandemija, l-Kunsill Malti għax-xjenza u t-teknoloġija, qed jipprepara madwar 150 ikla għall-persuni vulnerabbli fil-Kottonera u l-madwar.
Fil-bini tal-Esplora fil-Kalkara, ħaddiema tal-Esplora ta’ kuljum qed jippreparaw ikel bnin u sustanzjuz sabiex jingħata li dawk fil-bżonn, bil-Fondazzjoni għall-ħarsien soċjali tqassam l-ikel fi djarhom.
Mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela, flimkien mas-segretarju parlamentari Clayton Bartolo, marru jagħtu daqqa t’id lill-ħaddiema tal-Esplora fil-preparament tal-ikel.
Dr Abela kellha kliem ta’ tifħir hekk kif waqt il-Coronavirus, l-Esplora qed tgħin lill-komunità.
Hija stqarret: “Minflok baqa’ magħluq, l-Esplora qed jagħmlu esprimenti fuq Facebook live u jagħmlu ikla għal 150 persuna.”
Jakkumpanja lil mart il-Prim Ministru kien hemm anki ċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Jeffrey Pullicino Orlando.
Intant is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo qal li l-ħidma fl-Esplora ma waqfitx, filwaqt li fakkar fil-fond li twaqqaf sabiex tissokta r-riċerka relatata mal-pandemija fost oħrajn.
L-Onor. Bartolo spjega: “Ix-xogħol baqa’ għaddej minkejja l-pandemija u hawnhekk ikun lest li jilqa’ lill-familji u studenti.”