Telefonata fil-ħdax u nofs ta’ bilejl bl-aħbar li huwa pożittiv għall-coronavirus ħasibha ċajta minn wieħed mill-kollegi tiegħu, iżda mill-ewwel biddel fehmtu.
Karl Wright, psikoterapista tal-familja, qal illi huwa rriżulta pożittiv minkejja li ma kellu l-ebda sintomi minn test li għamel minħabba xogħlu.
Wright stqarr, “Ma tantx damet ċajta għaliex ovvjament toħroġ is-serjetà, jibdew ikellmuk anke b’ċertu jargon tal-mediċina tinduna li hija telefonata serja. Inkun onest r-reazzjoni kienet imħallta dak il-ħin, sentimenti mħallta b’mod speċjali l-inkwiet għall-persuni vulnerabbli d-dar, inkwetajt ħafna għalihom.”
Karl kiteb fuq il-midja soċjali l-esperjenza tiegħu biex jagħmel kuraġġ lil dawk li bħalissa għadejjin minn sitwazzjoni simili u mhux neċessarjament minħabba l-coronavirus.
“Inwassal il-messaġġ li l-biża’ ġġibna iżjed, tkabbar iżjed l-istigma. U aktar ma nibżgħu, iżjed tikber l-istigma. Imma iżjed ma’ nibżgħu u nżommu ġo fina iżjed nistgħu nġibu konsegwenzi negattivi fuqna.” Kompla jgħid Wright.
Bħalissa Karl jinsab f’iżolament bħala prekawzzjoni biex ma’ jinfettax persuni oħra, madanakollu, l-ħin tiegħu d-dar qed ikun mimli daqs bajda, tant li baqa’ għaddej bir-rutina normali tiegħu.
Saħaq, “Il-ġurnata nimlija, importanti ħafna għaliex dan huwa wkoll parti importanti mill-proċess ta’ fejqan.”
Il-psikoterapista għadda messaġġ ta’ kuraġġ lil kull min huwa affetwat bl-imxija tal-coronavirus. Huwa saħaq illi kull min qed iħoss it-toqol ta’ din is-sitwazzjoni biex jagħmlu użu minn wieħed mis-servizzi li qed joffri l-Gvern b’rabta mas-saħħa mentali waqt dan iż-żmien.
“Ħafna profesjonsiti li żgur jaqbżu ġon-nar biex jgħinu lin-nies, imma tkellmu, iżommux ġo fikom, għax min iżomm ġo fih jistieden ħsara fuqu nnifsu u nazzarda ngħid jistieden fuqu nnifsu l-mard.” Temm jgħid Wright.