“Aħna ma nistgħux ngħidu x’ħa jiġri f’Ġunju”, saħqet is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci meta mistoqsija dwar il-kampjonat Malti tal-futbol.
Bħalissa teżisti stennija dwar id-deċiżjoni tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, l-MFA għall-kampjonat Premier.
Sa issa l-awtoritajiet tas-saħħa għadhom ma tawx il-permess biex jerġa’ jibda l-isport fosthom il-futbol u b’hekk il-plejers tat-timijiet rispettivi għadhom ma rritornawx għat-taħriġ.
L-eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, l-MFA iddeċieda li l-kampjonat Premier u l-FA Trophy mhux se jieqfu għalissa minħabba l-imxija tal-Coronavirus.
Kien one.com.mt li żvela li min-naħa l-oħra l-eżekuttiv tal-MFA waqqaf il-kumplament tal-kampjonati tal-ewwel, it-tieni u t-tielet diviżjoni.
L-istess deċiżjoni applikat wkoll għall-futbol f’Għawdex, dak tan-nisa, tal-Youth League u tal-Futsal.
Sa issa Floriana jinsabu fuq quddiem tal-klassifika tal-kampjonat Premier, tliet punti fuq ir-rivali Valletta.
One.com.mt hu infurmat li sal-25 ta’ Mejju, l-MFA trid tiddeċiedi dwar il-kampjonat Premier minħabba t-timijiet li jridu jilagħbu fil-kompetizzjonijiet Ewropej tal-UEFA għall-istaġun li jmiss.