Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza, u l-Governanza Edward Zammit Lewis qassam 200 maskra protettiva lil Dar Merħba Bik f’Ħal Balzan.
“Dan huwa ġest żgħir fost il-ħafna xogħol siewi li qed tagħmel din id-dar u djar oħra bħala. Sa minn meta ġejt fdat bl-irwol ta’ Ministru għall-Ugwaljanza, ħadt b’serjetà kbira l-qasam tal-vjolenza domestika. Din hi pjaga soċjali li rridu naħdmu biex neliminaw, speċjalment f’dan il-perjodu fejn il-vjolenza domestika hemm aktar ċans li tkompli tgħolli rasha,” saħaq il-Ministru Zammit Lewis.
Dar Merħba Bik hija post li jistgħu jirrikorru għalih vittmi tal-vjolenza domestika, meta dawn ma jħossuhomx siguri f’darhom. Apparti li toffri post fejn dawn in-nisa abbużati jgħixu, toffri servizzi ta’ counselling, u mbagħad tgħinhom jerġgħu jirritornaw lura fis-soċjetà, anke billi ssibilhom akkomodazzjoni alternattiva.
Bil-għan li tiġi mtaffija l-pjaga tal-vjolenza domestika, fil-ġranet li għaddew il-Ministru Zammit Lewis saħħaħ ukoll servizz ta’ għajnuna legali professjonali mingħajr ħlas, erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.
Flimkien ma’ dan, din is-sena l-Gvern diġà ħaseb biex iżid il-budget tal-Kummissjoni għall-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru, b’aktar minn 70%.