Tnieda portal ġdid dwar il-leġiżlazzjoni – www.legislation.mt.
Sit elettroniku li se jieħu post justiceservices, u jista’ jintuża mill-pubbliku, mill-amministrazzjoni pubblika, u minn dawk kollha li jaħdmu fil-professjoni legali. Is-sit huwa amministrat mit-Taqsima Leġiżlattiva fi ħdan l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat.
Il-website tinkludi għadd ta’ karatteristiċi moderni u ġodda, fosthom l-ippubblikar online ta’ Liġijiet Konsolidati, Atti Legali, Avviżi Legali, u Bye Laws moderni.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis qal li bħalissa għaddej xogħol biex tiġi ddiġitalizzata s-sistema tal-Qrati ta’ Malta.
Reċentement, issaħħet il-website eCourts.gov.mt, b’investiment ta’ kważi nofs miljun ewro, bil-għan li ċ-ċittadin jinqeda minn kollox minn post wieħed.
Fost għadd ta’ servizzi, wieħed jista’ jħallas il-multi pendenti mal-Qorti, kif ukoll jirċievi messaġġi fuq il-mobile.
Il-Ministru Zammit Lewis qal li ġew mmodernizzati wkoll il-kompjuters tal-Qorti. Huwa spjega: “Nagħmlu qrati tagħna iktar eqreb lejn iċ-ċittadini. Din hija t-triq ‘il quddiem.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan is-sit jifforma parti minn proġett ko-finanzjat minn fondi Ewropej u qed jiġu investiti €45 miljun.
Huwa sostna: “Qed joffri aktar servizz u jiffaċilità s-servizz kemm għan-nies kif ukoll ghal dawk fis-servizz.”