L-imwiet tal-Coronavirus madwar id-dinja qabżu l-kwart ta’ miljun, hekk kif skont l-Università ta’ John Hopkins, mietu aktar minn 250,000 persuna minħabba l-COVID-19.
L-Istati Uniti rreġistraw 1,015-il mewt fl-aħħar 24 siegħa – l-inqas ammont ta’ mwiet f’ġurnata fl-aħħar xahar.
L-istess Stati Uniti ddikjaraw li fit-tieni kwart tas-sena, iridu jisselfu rekord ta’ tliet triljun dollaru Amerikan, hekk kif il-pakketti ta’ għajnuna minħabba l-Coronavirus qed jiżbqu sew l-ammonti li ngħataw sa issa.
Din is-somma hija ħames darbiet aktar mis-somma li ngħatat fl-ewwel kwart tas-sena, li wkoll kienet rekord u taqbeż l-ammonti fi żmien il-kriżi finanzjarja tal-2008.
Intant, il-Prim Ministru ta’ New Zealand Jacinda Ardern qalet li pajjiżha baqalu żmien twil qabel jiftaħ il-fruntieri mal-bqija tad-dinja.
Din id-dikjarazzjoni ġiet wara laqgħa li ddiskutiet il-possibilità li n-nies ikunu jistgħu jivvjaġġaw mill-inqas bejn l-Awstralja u New Zealand mingħajr il-bżonn li joqogħdu kwarantina wara.
Madanakollu qalet li persuni minn pajjiżi lil hinn, mhux se jkunu jistgħu jżuru lill-pajjiż fi żmien qrib.
Kemm l-Awstralja u New Zealand għalqu l-fruntieri tagħhom għall-bqija tad-dinja bħala parti mill-miżuri li ħadu b’rabta mal-COVID-19.