Daqqa ta’ pinna bejn il-Ministeru għall-Familja u l-Università ta’ Malta se twassal għal logħba li teduka lill-pubbliku fuq l-edukazzjoni finanzjarja.
Dan wara li d-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali fi ħdan l-Università ta’ Malta u d-dipartiment ĠEMMA fi ħdan il-Ministeru ħadmu fuq id-disinn u l-implimentazzjoni ta’ prototip tal-kapaċità finanzjarja ĠEMMA.
Bħala parti minn dan il-ftehim ukoll il-Ministeru se jkompli jiffinanzja studenti mid-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali sa massimu ta’ €1,500 biex jattendu seminars u konferenzi barra mill-pajjiż relatati mal-litteriżmu finanzjarju.
Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon qal li hu kburi li qed jissiġilla dan il-ftehim li jippermetti lill-Università ta’ Malta, lill-ministeru u lill-istudenti jaħdmu flimkien biex jindirizzaw temi relatati mal-kummerċ.
“Xempju ieħor ta’ kif dan il-Ministeru jaħdem ma’ entitajiet oħrajn basta mmexxu ‘l quddiem dak li għandna mmexxu biex naraw li jkollna soċjetà aħjar u f’dan il-każ iktar responsabbli finanzjarjament.”
Ir-rettur tal-Università ta’ Malta Alfred J. Vella esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan il-proġett li permezz tiegħu studenti fi ħdan l-Università ta’ Malta qed jiksbu esperjenza mill-aqwa.
Il-lettur tal-Intelliġenza Artifiċjali fl-Università ta’ Malta Charlie Abela qal li din il-kollaborazzjoni tagħti lill-istudenti l-opportunità li jindirizzaw u jsolvu problema interessanti fl-Intelliġenza Artifiċjali b’element miżjud ta’ kompetizzjoni bejniethom.