Mal-ftuħ ta’ bosta stabilimenti it-Tnejn filgħodu it-toroq Maltin reġgħu ħadu nifs ta’ ħajja hekk kif is-sidien daħlu lura fuq xogħlhom u l-konsumatur Malti bil-mod il-mod irritorna lejn iċ-ċentri kummerċjali f’pajjiżna. Dan hekk kif inqas minn xahrejn mindu feġġ l-ewwel każ ta’ Coronavirus f’pajjiżna, tħabbar tnaqqis f’numru ta’ miżuri li kienu ntrodotti sabiex jikkontrollaw it-tixrid ta’ virus li laqat lid-dinja kollha.
ONE News żar il-Belt Kapitali u ċentri kummerċjali oħrajn fejn saħansitra stajna nsegwu il-ħaddiema tal-ħwienet lebsin il-maskri, joqogħdu attenti sabiex ma jidħlux ammont kbir ta’ nies f’daqqa waħda fil-ħanut filwaqt li jħeġġuhom biex inaddfu idejhom qabel jidħlu.
Tkellimna ma’ Denise Bonello li tieħu ħsieb l-operazzjoni ta’ bosta stabbilimenti f’pajjiżna. Hija spjegat kif l-istabbilimenti kellhom jagħmlu bosta arranġamenti bżonnjużi qabel setgħu jilqgħu l-klijenti.
“Kellna nippreparaw il-maskli, il-hand sanitizing gel fl-entrata u signange ukoll ħalli l-klijent meta jidħol inaddaf idejħ u meta jkun sejjer lejn il-cash, għamilna signange kollu mal-art taż-żewġ metri kif suppost.”
Hija spjegat kif il-ħaddiema kienu fuq ix-xwiek sabiex jirritornaw lura fuq il-post tax-xogħol għalkemm qed joqgħodu attenti li anke l-ħaddiema bejniethom jieħdu l-prekawzjonijiet neċċessarji kontra t-tixrid tal-Coronavirus.
“Kulħadd kien ‘looking forward’ għax kien ilna kważi five weeks magħluqin u kulħadd kien ‘looking forward’ biex jerġa’ jaqbad rutina.”
Bonello spjegat kif il-konsumatur bil-mod il-mod ukoll qabad jirritorna lura lejn in-negozji sabiex jagħmel ix-xirja tiegħu. Biex b’hekk mal-ftuħ tal-istabbilimenti, it-toroq tagħna reġgħu ħadu l-ewwel nifs ta’ ħajja u flimkien mal-poplu Malti u Għawdxi għamlu pass lejn in-normalità.