Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u ċ-Ċermen Joseph Bugeja, flimkien mar-rappreżentanti għall-Awtorità tat-Trasport, iltaqgħu mar-rappreżentanti tal-Malta Maritime Forum fejn ġiet diskussa l-industrija marittima fid-dawl taż-żmien li għaddejja minnu d-dinja.
Il-Ministru esprima s-solidarjetà tiegħu mal-isfidi li dan is-settur qed jaffaċċja u saħaq li l-gvern qed jagħmel l-almu tiegħu biex jieħu deċiżjonijiet importanti fid-dawl tal-isfidi li l-industrija qed tiltaqa’ magħhom.
“Bħala ministru responsabbli mis-settur marittimu fost setturi oħra, nagħraf li dan is-settur hu essenzjali għal pajjiżna, mhux biss bħala pilastru tal-ekonomija imma anke għax iwassal fi djarna u fin-negozji tagħna l-maġġoranza tan-neċessitajiet, saħansitra anke l-ikel u l-mediċini. Ninsabu f’mument diffiċli u dan jgħodd għall-industrija marittima wkoll. Il-gvern kommess li jkompli jitkellem mal-industrija kif dejjem għamel sabiex narawha terġa’ timxi ’l quddiem,” qal il-Ministru Ian Borg.