Is-sena l-oħra żdiedu n-negozji rreġistrati f’pajjiżna mar-reġistru tan-negozji.
Statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO turi li s-sena l-oħra kien hemm 123,649 negozju rreġistrat li jfisser żieda ta’ 5.8% jew kważi 7,000 negozju iktar fuq is-sena ta’ qabel.
Il-biċċa l-kbira tan-negozji reġistrati (97.3%) impjegaw sa disa’ persuni.
L-NSO qal li kien hemm 134 kumpanija li jimpjegaw aktar minn 250 persuna.
Dan filwaqt li żdiedu b’266, il-kumpaniji li jimpjegaw bejn 10 u 49 persuna.
L-akbar ammont ta’ negozji reġistrati kienu fil-bejgħ u dawk li jsewwu l-vetturi (16.2%), segwit minn dawk tas-servizzi finanzjarji u li joffru poloz tal-assigurazzjoni (14.9%), dawk li joffru servizzi tekniċi u xjentifiċi(12.7%) u dawk li joffru servizzi amministrattivi (8.3%).