Matul Marzu li għadda, id-depożiti tal-Maltin fil-banek żdiedu b’€259 miljun jew 1.3% fuq ix-xahar ta’ qabel.
Dan ifisser li l-flus depożitati mal-banek laħqu livell rekord ta’ €20.7 biljun.
Id-depożiti kibru wkoll b’aktar minn biljun ewro jew 5.6% meta it-tielet xahar ta’ din is-sena tqabbel mal-istess xahar is-sena l-oħra.
Din iż-żieda fid-depożiti bejn Frar u Marzu hija t-tieni l-ogħla żieda osservata fl-aħħar tnax-il xahar.
Id-depożiti fil-banek żdiedu b’medja t’aktar minn mitt miljun ewro kull xahar bejn Marzu 2013 u llum.
Bejn l-2008 u l-2013, id-depożiti mal-banek żdiedu b’ħames darbiet anqas miż-żieda osservata bejn Frar u Marzu li għadda.
Iż-żieda li kien hemm fl-ewwel xahar wara l-bidu tal-pandemija kienet dovuta għal tkabbir fid-depożiti tal-familji Maltin u Għawdxin.
In-negozji wkoll żiedu d-depożiti tagħhom mal-banek fejn fi Frar kien hemm €3,124 miljun u f’Marzu dawn telgħu għal €3,142 miljun.
Bħala medja minn Marzu 2013 lil hawn, id-depożiti tan-negozji żdiedu b’€14-il miljun.
Fejn jidħlu kumpaniji tal-Gvern, id-depożiti mal-banek żdiedu wkoll fejn fi Frar kien hemm €539 miljun għal €554 miljun.
Min-naħa l-oħra ġie rreġistrat tnaqqis t’għaxar miljun ewro fid-depożiti tal-istituzzjonijiet finanzjarji.
Dan ġie mis-self mogħti lin-negozji u l-familji minħabba l-pandemija.
B’hekk f’Marzu l-ammont totali ta’ self mill-banek kien ilaħħaq il-€11.2 biljun filwaqt li d-depożiti kienu ta’ €20.7 biljun.
B’hekk il-livell ta’ likwidità huwa wieħed għoli ferm hekk kif il-familji u n-negozji għandhom flus, kważi d-doppju tad-dejn li ħarġulhom il-banek.
Id-depożiti huma darba u nofs tal-ġid nazzjonali u dan huwa fattur li qed jgħin lil Gvern jiffinanzja l-pakkett ekonomiku bla preċedent biex jgħin lin-negozji u jipproteġi l-postijiet tax-xogħol.
Fil-fatt flus imfaddla fil-banek hemm dħul tat-turiżmu tas-sena l-oħra għal disa’ snin u nofs.