Bħal kull avveniment ieħor li fih ikun hemm kompetizzjoni, l-Olimpjadi jattira l-interess ta’ bosta. Jattira l-attenzjoni mhux biss għax huwa l-ikbar manifestazzjoni sportiva li tiġi organizzata fid-dinja imma għax prattikament hemm rappreżentanza tal-pajjiżi kollha u għalhekk ikun hemm aktar interess min-nies biex isegwu u jaraw kif se jmur pajjiżhom f’dan il-logħob. Ngħidu aħna fit-Tazza tad-Dinja tal-futbol, għalkemm id-dinja kollha ssegwi, u fejn probabilment l-udjenza tkun ferm ussa mill-Olimpjadi stess, xorta waħda dak li jkun ma jsegwiex b’interess daqs li kieku jkun hemm pajjiżu stess jikkompetu, aqta’ ovvjament il-parteċipanti.
Dawn l-avvenimenti jġelgħuk tistaqsi bejnek u bejn ruħek, imma kif Malta qatt ma tieħu midalja? Kif dejjem ninqalgħu mir-rawnds ta’ kwalifikazzjoni qabel ma jkunu bdew il-finali fid-dixxiplini sportivi differenti? X’għandna inqas minn ħaddieħor? Għalfejn pajjiżi oħra li huma meqjusa bħala daqsna jew forsi ftit ikbar minna jmorru aħjar minnha? Nibda biex ngħid mill-ewwel li minkejja li din il-kompetizzjoni hija l-apiċe tal-logħob u allura tieħu s-centrestage fid-dinja sportiva, kien hemm kompetizzjonijiet oħrajn li Malta marret tajjeb u saħansitra rebħet. Jiġini f’moħħi William Chetcuti. L-għada li Chetcuti nqala’ mill-Olimpjadi l-poplu ma qamx jitkellem li ftit qabel kien għadu kif rebaħ it-Tazza tad-Dinja tad-double trap, prattikament mal-istess parteċipanti li kkompeta magħhom f’Rio, iżda qam jgħid li erġajna waqajna għaċ-ċajt, li m’aħna tajbin għalxejn ħlief biex noqgħodu moħħna f’xulxin.U propja hawnhekk tiġini f’moħħi l-ewwel sfida li għandu dan il-pajjiż quddiemu. Iridu dejjem nifhmu l-limitazzjonijiet li għandna, ma nistennewx li jsiru mirakli ma’ min id-dixxiplina sportiva li jippratika huwa xogħolu u mhux delizzju, iżda fl-istess ħin mingħajr ma narmu lilna nfusna. Dan il-poplu m’għandux dejjem il-kburija li jsejjaħ lilu nnifsu Malti, għandna mentalità li ta’ barra kollox tajjeb, iżda tagħna le. Dan tarah fl-affarijiet iż-żgħar bħall-ikel. L-ewwel darba li smajna lil xi ħadd f’xi ħanut jgħidlek “dan ta’ barra”, bħal li kieku li għax ta’ barra mela tajjeb żgur?
Nitpaxxa nara per eżempju lit-tim Nazzjonali Taljan tal-futbol ikanta l-Innu Nazzjonali ta’ Mammeli (avolja ma nżommx magħhom) u tafu tgħiduli li din xi ħaġa fid-deher, iżda jien nara f’għajnejhom fuq it-televiżjoni l-imħabba lejn pajjiżhom u l-kburija li qed jirrapreżentaw poplu sħiħ. M’għandiex biex niftaħru bit-tim tal-waterpolo u tar-rugby? Mela le. Imma probabilment din tkun momentarja għax ikunu rebħu xi logħba u wara qisu xejn mhu xejn.
Ma rridx ninstema’ pessimist jew negattiv wisq (hawn bizzejjed nies hekk), u għalhekk imur għat-tieni sfida li nemmen li għandu dan il-poplu quddiemu. Hemm bżonn li jkun hemm aktar inċentivi lill-għaqdiet sportivi, aktar investiment fit-tfal tagħna u aktar ħeġġa sabiex it-tfal minn ċkunithom jibdew jaraw l-isport bħala xi ħaġa verament sabiħa. Progressi saru u l-Gvern jagħti inċentivi wkoll, iżda dan iridu jissoktaw, bħal ma trid tissokta l-imbuttatura tal-ġenituri. Potenzjal għandna. Nerġa nsemmi l-futbol. Kemm il-darba nisimgħu b’timijiet ta’ etajiet żgħar li jikkompettu f’kompetizzjonijiet barra minn xtutna u jilgħabu ma’ clubs meqjusa bħala ġganti fil-logħba u jirbħulhom? Iżda imbagħad wara li t-tfal jaqbżu l-età ta’ 16 – il sena qisna nibdew nieħdu majnata ‘l isfel. Hemmhekk iridu nistħarrġu l-affarijiet u għandu jsir eżami tal-kuxjenza. Fuq kollox għandna nibdew mid-dar fuq l-ewwel punt li bdejt bih. Ma nistgħux inħallu li uliedna jitrabbew f’ambjent ta’ inferiority complex, veru li aħna biċċa blata fejn pajjiżi oħra, iżda xorta m’għandna xejn inqas minn ħaddieħor. Nemmen li din hija ċ-ċavetta ta’ kollox.
Iridu nemmnu aktar fina nfusna u ma nintelqux. Minkejja ċ-ċokon tagħna qalb il-Maltin hija waħda kbira, u min jaf, jekk tkunx it-Tazza Ewropea li forsi xi darba nieħdu sehem fiha, jew li nirbħu f’xi midalja f’xi Olimpjadi, forsi din tkun il-wake-up call jew ir-realizazzjoni għal bosta li dan it-tragward ma kienx l-ewwel wieħed, iżda saru passi oħra qabel li ma tajniex każhom, iżda li kollha kienu jwasslu għalih.