L-Aġenzija Identity Malta se ġġedded il-karti tal-identità li huma skaduti b’mod awtomatiku fid-dawl li l-operat tagħha qaleb online minħabba l-pandemija COVID-19.
Ikkonferma dan ma’ ONE News is-Segretarju Parlamentari responsabbli minn din l-Aġenzija Alex Muscat, li qal kif il-Gvern “ħa d-deċiżjoni li kull min għandu l-karta tal-identità skaduta se nestenduwha b’mod awtomatiku sal-aħħar ta’ Ġunju.”
Din il-miżura se tolqot fost l-oħrajn dawk li għalqu s-16 jew it-18-il sena fl-aħħar żmien, kif spjega l-Kap Eżekuttiv ta’ Identity Malta Anton Sevasta. Huwa spjega kif “il-karti tal-identità tal-Maltin ġew imġedda fl-2015 u ħafna minnhom għandhom il-karta tiskadi mal-ħames snin oħra. Imma għandek ukoll dawk li għalqu s-16 jew it-18-il sena li għandhom karti skaduti.”
It-tiġdid awtomatiku tal-karti tal-identità hija biss inizjattiva waħda tal-aġenzija f’dan iż-żmien.
Barranin li jaħdmu fid-djar privati ta’ anzjani jew persuni b’diżabilità, se jkollhom il-permess imġedded mingħajr il-bżonn li jmorru huma fiżikament fl-uffiċċji tagħhom. Huwa kompla jispjega li “biex niffaċilitaw lil dawn il-ħaddiema f’mument kruċjali biex b’email ikunu jistgħu jestendu l-permess tax-xogħol u residenza għal tliet xhur.
Is-Segretarju Parlamentari Muscat temm isostni li “persuni mhux Maltin li jaħdmu fis-settur, jiġifieri Ingliżi, Ewropej jew minn pajjiżi oħra, jaqbżu l-1,100. Live-in carers waħedhom għandna aktar minn 320. Jiġifieri għandek aktar minn 320 familja li għandha carer tgħix magħha full-time minflok jidħlu fid-djar tal-anzjani.”