Diversi persuni li jaħdmu fid-Dar Ċentrali jinsabu rrabjati għall-fatt li l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia fl-aħħar tas-sena l-oħra impjega Chief of Staff li qed jitħallas madwar €40,000 fis-sena.
Żvelat dan il-gazzetta llum li spjegat kif Justin Anastasi huwa kompletament ġdid fl-istrutturi tal-partit, qatt ma okkupa kariga fil-partit u l-ħatra tiegħu nżammet f’segretezza assoluta, kuntrarju għal kull ħatra oħra li dwarha tkun infurmata l-midja.
Din il-ħatra żvelata mill-midja indipendenti tistona mas-sitwazzjoni mwiergħa li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista. Diversi rapporti fl-aħħar xhur indikaw li d-dejn tal-Partit Nazzjonalista jammonta għal €34 miljun.
Bl-eks Segretarju Ġenerali Clyde Puli meta mistoqsi kien qal li l-Partit għandu dejn ta’ miljuni kbar.
Meta kien mistoqsi: “Jiġifieri ma tiċħadx li l-PN għandu dejn ta’ 25 miljun?” Puli kien wieġeb: “Għandu dejn ta’ miljuni kbar.”
Sitwazzjoni li wasslet biex impjegati tal-partit tkeċċew, oħrajn ntbagħtu d-dar u preżentaturi li kellhom jaċċettaw li jippreżentaw programmi bla ħlas.
Il-ħatra nżammet sigrieta anka mill-grupp parlamentari Nazzjonalista hekk kif deputat Nazzjonalista sostna li lanqas biss kien jaf li Anastasi nħatar Chief of Staff.
F’reazzjoni għar-rapport tal-Illum il-Partit Nazzjonalista ma ċaħadx li Justin Anastasi kien impjegat mingħajr sejħa jew mingħajr ma kienet infurmata l-midja, filwaqt li ma weġibx dwar x’inhu eżatt l-irwol tiegħu u kif intgħażel.
Filwaqt li Delia mpjega lil Justin Anastasi b’paga ta’ €40,000 fis-sena u fl-istess ħin bagħat diversi impjegati tiegħu jirreġistraw, ilbieraħ il-Kap Nazzjonalista ġġustifika s-sitwazzjoni u tefa’ l-ħtija tas-sitwazzjoni finanzjarja diżastruża fuq il-predeċessur tiegħu Simon Busuttil.
Delia stqarr: “Mhux f’Novembru biss d-dejn tal-Partit, kien ilu jakkumola għal numru ta’ snin ħafna.”