L-inkonsistenza ta’ Adrian Delia dwar l-immigrazzjoni illegali turi kemm huwa xieraq li l-Oppożizzjoni mhux qed tmexxi l-pajjiż f’dan il-mument, qal dan fi stqarrija l-Partit Laburista.
Tnax-il ġurnata ilu, il-Kap Nazzjonalista qal li l-immigranti f’nofs ta’ baħar għandhom jiġu salvati u jinżammu fuq vapur barra minn pajjiżna. Iżda lbieraħ b’mod surreali Delia kkundanna d-deċiżjoni tal-Gvern li propju jsalva 57 immigrant u jitrasferixxihom fuq bastiment ‘il barra mill-kosta Maltija.
Fil-15 ta’ Marzu li għadda, Adrian Delia qal lill-poplu Malti u Għawdxi li pajjiżna għandu jirrikorri għal lockdown. Iżda lbieraħ l-istess Kap Nazzjonalista kien mistoqsi jekk għadux jaħseb li dik kienet tkun l-aħjar għażla u wieġeb li qatt ma kien semma lockdown sħiħ.
“Il-poplu mhux se jinsa lanqas li Delia l-ewwel kien favur li Malta ssir ċentru għas-salvataġġ tal-immigranti, imbagħad beżża lil Maltin b’kull barrani li jgħix u jaħdem f’Malta, imbagħad attakka lill-Gvern talli ma daħħalx immigranti waqt emerġenza ta’ saħħa pubblika”, sostna l-Partit Laburista.
U reċentament, waqt li l-Kap Nazzjonalista kien qed iżur lill-Forzi Armati u jsejħilhom tarka, il-kelliem tiegħu għall-ġustizzja kien qed jiffirma denunzja li takkuża lill-membri tal-Forzi Armati bi qtil volontarju u titlob li jmorru l-ħabs għal għomorhom.
“Adrian Delia rrenda lill-Partit Nazzjonalista fi grupp ta’ fazzjonijiet estremi bla pożizzjoni koerenti fuq l-aktar temi ta’ interess nazzjonali. Dan huwa Kap tal-Oppożizzjoni li ma jistax jittieħed bis-serjetà”, temm jgħid il-Partit Laburista.