“Il-ħaddiem dejjem ifforma l-bażi tal-politika ta’ dak li jemmen fih il-Partit Laburista, ta’ dak wara kollox li jemmen fih il-pajjiż.”
Dan kien is-sentiment li wassal il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt li kien intervistat b’mod virtwali minn diversi ħaddiema f’oqsma differenti f’pajjiżna, f’Jum il-Ħaddiem.
Il-Prim Ministru Abela beda billi sostna li r-relevanza ta’ Jum il-Ħaddiem għall-Partit Laburista dejjem tibqa’ tikber aktar ma’ jgħaddi ż-żmien.
Dr Abel stqarr, “Ir-relevanza ta’ Jum il-Ħaddiem għall-Partit Laburista u għall-pajjiż tikber aktar ma’ jgħaddi ż-żmien. Il-ħaddiem dejjem ifforma l-bażi tal-politika ta’ dak li jemmen fih il-Partit Laburista ta’ dak wara kollox li jemmen fih il-pajjiż.”
Fost oħrajn il-Prim Ministru kien intervistat minn ħaddiema li bħalissa jinsabu fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-COVID-19.
Mistoqsi minn infermiera dwar is-suċċess tal-Gvern fil-kontroll ta’ din l-imxija, il-Prim Ministru Abela, filwaqt li rringrazzjahom tal-ħidma sfieqa tagħhom, pponta lejn l-investiment li għamel il-Gvern Laburista fil-qasam tas-saħħa fl-aħħar snin.
Il-Prim Ministru saħaq,”Nemmen li s-suċċess li kellna fil-mod kif iġġilidna l-imxija tal-pandemija tal-COVID-19 huwa f’parti minnhu minħabba dak l-investiment b’saħħtu li għamilna fil-qasam mediku f’pajjiżna. Dejjem investejna b’mod tajjeb. Ma qadniex lura. Il-piż finanzjarju kien wieħed kbir imma kien wieħed fit-tajjeb.”
Fl-istess waqt li l-Mexxej tal-Partit Laburista rringrazzja lill-Forzi tal-Ordni kollha għal ħidma imprezzabbli tagħhom f’dan iż-żmien straordinarju, Robert Abela semma l-akbar bidla li jixtieq jara fil-Korp tal-Pulizija.
Dr Abela sostna, “Jingħażel l-aqwa kandidat jew kandidata li se tkun qed tmexxi lill-Korp tal-Pulizija fis-snin li ġejjin. Fiduċjuż ħafna fil-ħidma ta’ Korp tal-Pulizija. Tant nemmen f’Korp li tul is-snin dejjem kien ta’ importanza kbira fil-qasam tal-Governanza f’pajjiżna. Fil-mod ta’ kif jitnaqqsu r-reati f’pajjiżna.”
Assistent Kap ta’ skola rrimarkat ukoll it-tranżizzjoni mgħaġġla li saret fis-sistema edukattiva għall-għodod virtwali sabiex l-istudenti madwar Malta u Għawdex jibgħqu jirċievu l-edukazzjoni neċessarja.
Il-Prim Ministru Abela spjega kif dan kien possibli hekk kif il-Gvern kellu l-għoddod lesti sabiex fil-mument li għalqu l-iskejjel mill-ewwel setgħet issir it-tranżizzjoni.
Fost il-ħaddiema li ntervistaw lill-Prim Ministru kien hemm ukoll pensjonant li staqsa jekk hux se tibqa’ tingħata prijorità lill-pensjoni fiż-żmien li ġej.
“Dik il-prijoritá ta’ pensjonijiet b’saħħithom li kien hemm għall-Partit Laburista għadha prijoritá u tibqa’ prijoritá. L-inqas li nistgħu nagħmlu bħala ringrazzjament lejn tant u tant pensjonanti li bis-saħħa tagħhom qegħdin nesperjenzaw tant ġid illum.” Temm jgħid il-Prim Ministru.
Ritratt: Gareth Degiorgio