Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem nhar l-1 ta’ Mejju, il-President George Vella xtaq isellem lill-ħaddiema kollha, irġiel, nisa, kbar u żgħar, Maltin u barranin, u jirringrazzjahom għal dak kollu li jagħmlu fl-aħjar interess ta’ pajjiżna.
Il-President fakkar li pajjiżna hu Repubblika demokratika bbażata fuq ix-xogħol, li fil-Kostituzzjoni tagħha mhux biss tirrikonoxxi d-dritt taċ-ċittadini għal xogħol, imma obbligata tipproteġi dan id-dritt u tieħu dawk il-miżuri kollha meħtieġa biex tagħti dinjità lill-ħaddiema.
Saħaq li kull xogħol hu nobbli, u ebda xogħol mhu inferjuri.
Enfasizza wkoll li pajjiżna m’għandux riżorsi naturali bħal xi pajjiżi oħrajn, u għalhekk jiddependi kompletament fuq ix-xogħol tal-ħaddiema tagħna.
Il-President Vella qal li hu ta’ sodisfazzjon kbir li wieħed jinnota l-livelli għoljin ta’ kapaċitajiet u ta’ kompetenzi tekniċi u professjonali li għandhom il-ħaddiema tagħna, li jitħarrġu fihom u jwettqu fil-prattika. Is-sehem tan-nisa f’dan kollu hu ta’ min wieħed isemmih, u l-President jawgura li aktar nisa jidħlu fis-setturi kollha tal-qasam tax-xogħol.
Il-President itenni wkoll li jħossu kburi li għandna ħaddiema, li jitgħallmu malajr, jadattaw għaċ-ċirkostanzi u huma flessibbli.
It-teknoloġija moderna, l-iżviluppi xjentifiċi u s-sejbiet fl-oqsma kważi kollha tax-xogħol, ħolqu sfidi ġodda u opportunitajiet li l-ħaddiem Malti kapaċi jisfrutta.
Il-President b’diqa nnota li din is-sena Jum il-Ħaddiem qed jitfakkar fi sfont mhux tas-soltu; sfont li fih il-ħaddiem mhux jitħalla jmur għax-xogħol minħabba l-pandemija ta’ COVID-19 li nfirxet mad-dinja kollha.
Il-President konxju tal-effetti negattivi li ġabet magħha din is-sitwazzjoni u għal darba oħra juri s-simpatija tiegħu ma’ dawk il-ħaddiema kollha li spiċċaw bi dħul finanzjarju mnaqqas jew imwaqqaf, minħabba għeluq jew tnaqqis tal-impjieg, u konxju tas-sitwazzjoni anke psikoloġika ta’ dawn il-ħaddiema.
Il-President xtaq isellem lil dawk il-kumpaniji kollha li minkejja n-nuqqas tax-xogħol qegħdin, flimkien mal-gvern, jgħinu finanzjarjament lill-ħaddiema tagħhom biex ma jitilfux xogħolhom.
Jawgura li wara l-COVID-19 il-ħaddiema kollha, Maltin u Għawdxin jikkoperaw flimkien biex tibda ddur mill-ġdid ir-rota tal-ekonomija ta’ pajjiżna u naħdmu biex il-ħsara li ġabet magħha din il-pandemija tingħeleb u mmorru lura għan-normal fl-iqsar żmien possibbli.
Il-President xtaq f’dan il-jum, jirringrazzja mill-ġdid lil dawk il-ħaddiema kollha li huma direttament jew indirettament involuti fil-ħarsien ta’ saħħitna u fil-kura tal-għeżież tagħna milqutin mill-COVID-19.
Il-President f’dan il-uum xtaq ukoll jirringrazzja lill-ħaddiema kollha barranin li jinsabu fostna, u li magħna qed jaħdmu biex tissaħħaħ l-ekonomija ta’ pajjiżna u flimkien nirbħu lil dan il-virus.
Il-President xtaq ukoll jirringrazzja lill-għaqdiet kollha tal-ħaddiema li matul iż-żmien joffru wens, tarka u s-saħħa meħtieġa meta jkun hemm bżonn jinkisbu jew jitħarsu d-drittijiet tal-ħaddiema. Il-President saħaq li jkun opportun nirriflettu fuq in-natura tax-xogħol fis-sena 2020 u anke nħarsu sew lejn id-drittijiet tal-ħaddiema, li sfortunatament f’ċerti setturi għadhom jiġu sfruttati.
Il-President xtaq isellem lil dawk kollha li korrew, jew agħar, tilfu ħajjithom fil-qadi ta’ dmirijiethom waqt li kienu fuq il-lant tax-xogħol u saħaq l-importanza li għandha tingħata għall-ħarsien tas-saħħa u tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, kemm dik fiżika, kif ukoll mentali li, flimkien ma’ numru ta’ drittijiet oħrajn, jorbtu katina waħda ma’ kwalità ta’ ħajja dinjituża u xierqa għal kulħadd.
Il-President fl-aħħar nett sellem lil dawk il-ħaddiema kollha anzjani, illum irtirati u f’isem il-poplu Malti u Għawdxi jirringrazzjahom għall-kontribut kbir li taw biex pajjiżna hu dak li hu llum.
Il-President xtaq jagħmel kuraġġ lill-ħaddiema kollha li bħalissa għaddejjin minn żminijiet diffiċli u assigurahom li mhumiex se jitħallew waħidhom.