Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia ltaqa’ mal-Kunsilliera tan-Naxxar sabiex jispjegalhom b’mod dettaljat il-bidla ambjentali li qed tiġi proposta fiż-żona tal-Magħtab sabiex l-iskart jinbidel f’riżorsa permezz ta’ faċilità tal-ogħla kwalità. Dan se jsir fuq medda ta’ 82,000 metru kwadru minflok 279,000 metru kwadru kif kien orġinarjament il-pjan.
Huwa qal li jinnota l-istqarrijiet kuntrastanti tal-kunsilliera Laburisti u dawk Nazzjonalista fin-Naxxar.
Il-Kunsilliera tan-Naxxar laqgħu tajjeb dawn il-proposti u ntlaħaq qbil bejn iż-żewġ partijiet li l-Ministeru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar jippubblika l-informazzjoni dettaljata u hekk sar.
Il-Ministru Farrugia qal li l-Kunsill Lokali tan-Naxxar laqa’ b’mod pożittiv li l-art meħtieġa li se tintuża niżlet b’70%. “Il-Kunsill se jibqa’ infurmat b’kull ħidma li se ssir mill-Wasteserv”, saħaq il-Ministru.
Huwa sostna li ħa jkun hemm koperazzjoni kontinwa mal-Kunsill Lokali tan-Naxxar u kull entità oħra interessata. Għalhekk il-membri tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar se jingħataw l-opportunità li jmorru jżuru s-sit u jingħataw aktar importanza permezz ta’ preżentazzjoni teknika.
Il-Ministru tenna li filwaqt li jilqa’ b’sodifazzjoni l-fatt l-Oppożizzjoni li qed tieħu interess fil-proposti tal-Gvern fil-qasam ambjentali iżda huwa diżappuntanti l-fatt li meta ngħataw l-opportunità rrifjutaw dawn il-prosposti u qagħdu gallarija. Filwaqt li fl-2017, meta l-Oppożizzjoni ngħatat l-opportunità li ssemma’ leħinha billi tkun parti minn kumitat tekniku dwar it-triq ‘il quddiem dwar l-immaniġjar tal-iskart biex isir riżorsa, l-Oppożizzjoni rrifjutat.