Ftehim bejn il-Gvern u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-iżviluppaturi wassal biex tiġi solvuta kwistjoni dwar ir-radam.
B’dan il-ftehim, sidien ta’ barrieri se jiġu ntaxxati biss ħamsa fil-mija bil-kundizzjoni li jilqgħu materjal bi €12 kull tunnellata.
Fi stqarrija l-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia spjega wkoll li tul l-aħħar ġimgħat sar pjan biex ikun ikontrollat is-settur tal-barrieri u l-iskart tal-kostruzzjoni, dan hekk kif il-qasam ma ħadimx kif mistenni u l-barrieri ma kinux qed jilqgħu l-ammont ta’ skart iġġenerat minn proġetti infrastrutturali tal-Gvern u bil-prezz offrut.
Fi stqarrija l-Ministru Aaron Farrugia spjega wkoll li dawn il-miżuri se jgħinu biex l-ERA tirregola din l-industrija u jiddaħħlu prattiċi u impjanti għar-riċiklaġġ.
Qal li qed jiġi regolat qasam b’soluzzjonijiet sostennibli wara li dan tħalla abbandunat għal snin ta’ twal.
Il-Gvern qal li miżura oħra se tkun li fil-proċess ta’ avviż tal-bidu ta’ xogħlijiet irid ikun identifikat is-sit ta’ fejn se jintrema l-iskart mill-iżviluppatur.
Dan ifisser li l-kundizzjonijiet f’kuntratti għall-użu tal-barrieri, f’permessi ta’ operat se jkunu skrutinati u infurzati
Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia tenna li l-Gvern għandu l-possibilità li jordom materjal nadif fil-baħar, f’sit speċifiku identifikat fis-snin sittin iżda, qed jibqa’ jagħżel li jkun aħjar li l-materjal imur fil-barrieri li għandu pajjiżna.