Raġel li kien qed jinżamm arrestat wara li nstabu d-drogi f’loudspeaker f’appartament f’Marsalforn ingħata l-ħelsien mill-arrest.
Hanibal N Bashir Mohamed, Libjan ta’ 33 sena li joqgħod Għawdex kien tressaq il-Qorti l-ġimgħa li għaddiet wara li allegatament fil-pussess tiegħu nstabu 300 gramma ta’ droga kannabis u madwar 20 gramma droga kokaina.
Huwa kien mixli li din id-droga ma jidhirx li kienet għall-użu personali.
Huwa kien wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Dakinhar it-talba għall-ħelsien mill-arrest kienet ġiet miċħuda.
L-avukati tiegħu Dr Franco Debono u Amadeus Cachia enfassizaw il-fatt li l-imputat huwa innoċenti għaliex għadu ma nstabx ħati. Min-naħa tagħha l-Prosekuzzjoni ma ressqet l-ebda oġġezzjoni.
Għalhekk il-Qorti li kienet ippreseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud, laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €10,000 u obbligat lill-imputat li jmur jiffirma fl-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa.