118-il atleta student irreġistrati fil-programm tal-istudenti atleti tal-Università ta’ Malta se jgawdu minn għajnuna psikoloġika offruta mill-Istitut għall-Edukazzjoni Fiżika u l-Isport. Dan minħabba l-imxija tal-Coronavirus, fejn qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi ta’ kif jadattaw għal stil ta’ ħajja differenti minħabba li l-pandemija sfrattat it-taħriġ sportive li kienu jagħmlu ta’ kuljum.
Id-Direttur tal-Istitut għall-Edukazzjoni Fiżika u l-Isport Dr Andrew Decelis qal li din l-iskema se żżomm kuntatt ma’ dawn l-istudenti b’mod virtwali u tibqa’ tkebbes l-ispirtu sportiv fihom.
Huwa spejga: “Bħala student athlete support programme tal-Universita ta’ Malta qed noffru servizz ta’ sports psychologist għall-istudenti atleti li jħossu dan it-tip ta’ sapport.”
Dwar din l-iskema, ir-Rettur tal-Università qal li dan qed isir sabiex itejjeb il-ħajja ta’ dawn l-istudenti minkejja din il-pandemija.
Il-Professur Vella stqarr: “Dan is-servizz psikoloġiku biex huma jkunu jistgħu jkomplu mal-ħajja tagħhom kemm bħala studenti u kemm bħala sportivi.”
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u l-Isports Clifton Grima faħħar din l-inizjattiva, li se tkun qed tgħin lil dawn l-atleti studenti.
L-Onor. Grima sostna:“ Dawn iż-żewġ tip ta’ programmi qegħdin hemmhekk sabiex jaraw u jassiguraw fejn hemm bżonn ikun hemm l-għajnuna kollha, inkluż dik logistika sabiex wieħed ikun jista’ jikkombaċa dawn iż-żewġ aspetti li tant ikunu importanti u essenzjali fil-ħajja tal-atleti li jattendu l-Università.”