Fl-aħħar sigħat feġġew żewġ każijiet ġodda ta’ coronavirus minn fost seba’ mitt test, biex in-numru ta’ persuni nfettati f’Malta mindu feġġ l-ewwel każ, tela’ għal erba’ mija u ħamsin.
Fl-istess waqt fiequ erba’ persuni oħra – żewġt itfal ta’ inqas minn disa’ snin u żewġ persuni ta’ bejn it-tletin u d-disgħa u tletin sena.
It-total ta’ persuni li fiequ mill-virus, huwa ta’ mitejn u sitta u tmenin.
Jekk wieħed inaqqas il-persuni li fiequ u l-erbgħa li mietu minħabba l-COVID-19, il-każijiet attivi f’Malta ta’ coronavirus huma mija u sittin.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, spjegat li fost iż-żewġ każijiet ġodda hemm Malti ta’ erbgħin sena li kien kuntatt fuq il-post tax-xogħol ta’ każ li rriżulta pożittiv fl-aħħar jiem. Huwa beda b’sintomi ta’ deni, sogħla, uġigħ u għejja fis-sitta u għoxrin ta’ April u kien kwarantina minn meta ġie identifikat il-każ l-ieħor fl-istess post fejn jaħdem.
Il-każ l-ieħor huwa Malti ta’ tmienja u sittin sena li beda b’sintomi ta’ deni, uġigħ ta’ ras, għejja u uġigħ f’sidru fil-ħamsa u għoxrin t’April. Huwa jinsab fi stat tajjeb ta’ saħħa, u l-awtoritajiet qed jagħmlu l-assessjar meħtieġ maż-żewġ membri tal-familja, u kollegi fuq il-post tax-xogħol fejn jagħmel ħidma volontarja.
Il-Professur Charmaine Gauci tkellmet ukoll dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċentru l-Miftuħ ta’ Ħal Far, fejn l-immigranti huma kollha fi kwarantina. Hawnhekk qed isiru testijiet mhux biss fuq dawk bis-sintomi imma anki oħrajn. Sa issa saru tliet mija u disgħa u ħamsin test u minnhom irriżultaw pożittivi tlieta u erbgħin. Innutat ukoll li mill-għoxrin t’April sal-lum, ma kien hemm ħadd pożittiv.
Mistoqsija minn ONE News dwar rapporti ta’ raxx, il-Professur Gauci qalet li l-aktar sintomi komuni li għadhom qed jiltaqgħu magħhom huma dawk respiratorji.
“Ir-raxx ħafna drabi joħroġ meta jkollok kwalunkwe tip ta’ viral illnesses u dan huwa wieħed minnhom però sa issa ma kellniex nies fil-kaiżjiet li kellna li kellhom rapportati dawn ir-rashes li qed jaraw barra minn Malta però qed inkopmlu nsegwu s-sitwazzjoni u nistaqsu għal din ħalli jekk ikun hemm, naqbduha kmieni wkoll.”
Fid-dawl li fl-aħħar sigħat kien hemm żewġ każijiet ġodda ta’ persuni li kienu jaħdmu, il-Professur Charmaine Gauci kellha dan l-appell għal min iħaddem.
“Nappella lill-employers biex jgħinu f’din is-sitwazzjoni ħalli aħna nevitaw li jkollna każijiet fuq il-post tax-xogħol. Min ikun ma jiflaħx ma jmurx għax-xogħol u importanti ħafna li fuq il-postijiet tax-xogħol skont il-linji gwida li tajna, tkomplu ssegwu dawk il-miżuri.”
Il-Professur Gauci temmet tfakkar l-importanza li kulħadd isegwi l-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa u biex ma jsirx ħruġ bla bżonn.