L-eks Ministru Nazzjonalista, il-Perit Michael Falzon sostna li l-attentat li jitpoġġa argument li Jason Azzopardi ħadem t’avukat fuq materja privata biex jiftaħ kwerela għall-għaqda Repubblika huwa redikolu.
Fuq il-Maltatoday, Michael Falzon kiteb li Jason Azzopardi fetaħ il-kwerela kontra s-suldati u akkużhom b’sabutaġġ fuq dgħajsa tal-immigranti, ġimagħtejn biss wara li ġie appuntat bħala kelliem tal-Oppożizzjoni għall-ġustizzja.
Fil-fatt l-eks Ministru Nazzjonalista qal li l-fatt li Azzopardi nħatar bħala l-kelliem Nazzjonalista għall-ġustizzja kienet iċ-ċirasa fuq is-suflè.
Falzon qal li għall-kwerela li nfetħet ma kelliex bżonn il-firma ta’ erba’ avukati, u l-fatt li pruvat titpenġa stampa li Jason Azzopardi kellu relazzjoni mal-għaqda Repubblika bħala avukat ma’ klijent ma tagħmilx sens.
Fl-artiklu, Falzon jgħid li l-allegazzjoni li saret ma ġiet sostanzjata bil-fatti u ma hemm l-ebda evidenza b’saħħitha li turi li s-sabutaġġ tad-dgħajsa tal-immigranti sar.
Jason Azzopardi rrinunzja lilu nnifsu mill-kwerela, jum biss wara li l-għaqda Repubblika stess tat informazzjoni li tgiddeb l-allegazzjonijiet li ffirma għalihom id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.
Din l-informazzjoni li anki ġiet ikkoraborata mill-membri tal-ekwipaġġ tal-patrol boat P52 turi li l-allegat sabutaġġ fuq id-dgħajsa tal-immigranti ma kienx xejn għajr proċedura normali ta’ salvataġġ li jsir mis-suldati lin-nies li jkunu bejn sema u ilma.
Fil-jum tat-Tlieta hu mistenni li s-66 immigrant, li ddaħħlu f’pajjiżna eżatt qabel ingħalqu l-portijiet, se jixhdu quddiem l-inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat inkwirenti Joe Mifsud.
Sal-ġimgħa l-oħra, l-inkjesta kelmet iżjed minn ħamsin persuna li xehdu fuq l-operat tal-armata.
Dan wara li l-aġir ta’ Jason Azzopardi li sab ukoll l-appoġġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.
Delia mhux biss iddefenda lil Jason Azzopardi iżda anki rrepeta l-akkużi fil-konfront tal-armata u l-Prim Ministru.