Tmintax-il persuna nqabdu jattendu festin f’post pubbliku fl-inħawi tal-White Rocks, f’Baħar iċ-Ċagħaq, bi ksur ta’ Avviżi Legali li ġew ippubblikati riċentament.
Ħames persuni minnhom qed jinżammu għal aktar investigazzjonijiet hekk kif fil-pussess tagħhom, allegatament instabet id-droga.
Kienu għall-ħabta tat-3:30 ta’ dalgħodu , x’ħin il-Pulizija waslitilha informazzjoni li kienu ġew innutati diversi vetturi pparkkjati fl-akwati ta’ Baħar iċ-Ċagħaq u li x’aktarx kien qed isir xi festin.
Il-Pulizija daħlu fil-post u sabu 18-il persuna – l-organiżżatur tal-festin, DJ u 16-il persuna oħra li qegħdin jattendu dan il-festin.
Il-Pulizija tad-Distrett għamlu tfixxijiet fuq il-persuni u fil-kmamar fejn kienu instab basket li kien fih borża b’pilloli suspettata droga ecstasy, kif ukoll miżien u xafra moħbija fuq raġel ta’ 25 sena, u droga, suspettata cannabis fuq mara ta’ 36 sena.
Il-Pulizija tad-Distrett kellha suspett li hemm iżjed droga moħbija u għalhekk issejħu fuq il-post membri tas-Sezzjoni tal-Klieb tal-Pulizija fejn minn tfittxjiet li saru, instabet iżjed droga suspettata ħaxixa tal-cannabis, raża tal-cannabis u bott bi traċċi ta’ droga suspettata kokaiana. Il-persuni kollha ttieħdu fl-Għassa ta’ San Ġiljan għal aktar investigazzjonijiet.