Christoper Shepherd ta’ 49 sena mir-Rabat Għawdex iżda li joqgħod Raħal Ġdid ammetta li seraq €150 minn stabbiliment tal-ikel fil-Mosta tard l-Erbgħa filgħaxija.
Fil-Qorti ħareġ li l-akkużat spiċċa bi problema ta’ flus wara li n-negozju ta’ carwash li kien jopera kellu jagħlqu ħabba l-Coronavirus.
L-Ispettur Godwin Scerri qal li l-akkużat ikkopera bis-sħiħ waqt l-arrest u l-investigazzjoni u li lest jati lura l-flus li seraq. Madanakollu nnota li l-imputat għandu fedina penali kkulurita.
Min-naħa tiegħu l-avukat difensur Michele Cardinali talab li l-imputat jingħata probation għal tliet snin u li jkun segwit. Argumenta li piena ta’ ħabs xxekkel il-progress li l-imputat għamel fl-aħħar snin.
L-imputat talab li jsir pre-sentencing reportu l-Prosekuzzjoni m’oggezzjonatx. Il-Qorti laqgħet it-talba, bl-akkużat jingħata l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet fosthom li jiffirma fl-għassa ta’ Raħal Ġdid u garanzija personali ta’ €5,000.