B’investiment ta’ iktar minn €300,000, waslu fl-aħħar fażi x-xogħlijiet ta’ rinovar fuq it-Torri l-Aħmar fil-Mellieħa.
Il-proġett qed isir b’kollaborazzjoni mal-għaqda mhux governattiva Din l-Art Ħelwa u hu ffinanzjat b’fondi Ewropej u ko-ffinanzjat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Fost oħrajn qegħdin isiru xogħlijiet fuq il-faċċata kif ukoll fuq ġewwa tat-torri.
Iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu Gavin Gulia spjega li l-Awtorità hija katalista fi proġetti bħal dawn.
Huwa stqarr: “Impenjata ħafna fil-ħarsien, it-tisħiħ u fit-titjib tal-prodott għaliex wara kollox aħna rridu nġibu t-turisti ġewwa pajjiżna sabiex igawdu esperjenza ħolistika.”
Maria Grazia Cassar minn Din l-Art Ħelwa qalet li l-għaqda tinsab grata lejn l-Awtorità tat-Turiżmu li pprovdiet il-finanzjament neċessarju.
Hija spjegat: “Għenuna sew fil-co-financing ta’ dan il-proġett kif ukoll fl-implimentazzjoni tiegħu.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li siti bħat-Torri l-Aħmar huma eżempju ċar kif fondi tal-Unjoni Ewropea jintużaw biex jiġi preservat il-wirt storiku Malti.
Huwa sostna: “Bl-għajnuna ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea qegħdin naraw proġett li qiegħed iħares il-patrimonju nazzjonali ta’ pajjiżna kif ukoll inkomplu nsaħħu l-prodott turistiku ta’ pajjiżna.”
Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli saħqet li hemm sensiela ta’ proġetti ta’ restawr li qed isiru u li juru l-impenn tal-gvern fis-settur.
Hija stqarret: “Dan huwa wieħed mill-iktar torrijiet f’Malta li huwa popolari mat-turisti, mat-30,000 fis-sena u ħa nużaw dan il-perjodu tal-COVID-19 biex inkomplu nżidu fir-ritmu tal-proġetti li nagħmlu fejn għandu x’jaqsam it-turiżmu.”