Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia ħabbar reviżjoni fil-policy għall-pompi tal-fjuwil
Id-dokument imsejjes fuq għaxar bidliet prinċipali jitkellem dwar limitu massimu ta’ numru ta’ pompi tal-fjuwil f’Malta u f’Għawdex filwaqt li l-pompi mhux se jkunu akbar minn elf metru kwadru.
Fil-fatt id-daqs tal-massimu tal-pompi se jitnaqqas b’elfejn metru kwadru hekk kif oriġinarjament, il-massimu kien jitla’ għal tliet t’elef metru kwadru
Il-policy il-ġdida tgħid li l-pompi eżistenti u li qed joħolqu impatt negattiv fuq l-ambjent biss jistgħu jiġu kkunsidrati għar-rilokazzjoni.
“Importanti wkoll ta’ min jinnota illi din il-policy l-ġdida ħa tapplika kemm għall-applikazzjonijiet li għandna pendenti, jiġifieri din se tindirizza issues li qed niltaqgħu magħhom f’applikazzjonijiet li għadejjin bħalissa u ovvjament għall-applikazzjonijiet li ġejjin ‘il quddiem.”
Siti li huma barra ż-żona tal-iżvilupp mhux se jkunu aċċettati.
“Fuq naħa jħares li jiġu rilokati fuel stations li qed ikunu ta’ problema għall-ambjent urban imma fl-istess ħin isalvagwardja għall-ambjent naturali u għall-areas li huma ODZ.”
Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia qal li se jerġa’ jiġi introdott spazju bejn il-pompi tal-fjuwil il-ġodda u binjiet partikolari.
Mhux se jkun aċċettabbli li tinbena pompa tal-fjuwil f’distanza ta’ inqas min-nofs kilometru minn pompa oħra eżistenti.
Il-bini tal-pompi ma jistax jaqbeż is-seba’ metri għoli.
Intant il-Ministru għall-Ambjent u l-Ippjanar, Aaron Farrugia qed iħares ‘il quddiem għal tibdil fit-trasport.
“Inħares ‘il quddiem issa biex id-diskussjoni tiddevja fuq kif il-pajjiż se jimxi lejn electric cars.”