F’konferenza tal-aħbarijiet fis-sit ta’ kostruzzjoni ta’ units ġodda ta’ housing soċjali f’Birkirkara, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes ħabbar li x-xogħol fuq dan is-sit wasal fi stadju avvanzat, hekk kif tlesta x-xogħol tal-ġebla fi tliet blokok, biex b’hekk se jkun qed jinbeda x-xogħol tal-finishes fil-ġimgħat li ġejjin. Dan is-sit jikkonsisti f’2,620 metru kwadru, li qegħdin jissarfu f’73 appartament aċċessibbli għal persuni b’diżabbiltà, u 55 garaxx.
Il-Ministru Roderick Galdes stqarr li huwa sodisfatt li l-akbar proġett ta’ housing soċjali qiegħed javvanza b’ritmu mgħaġġel u tenna l-impenn tal-gvern li jipprovdi stock ġdid ta’ units soċjali biex iservu bħala l-ewwel pass għall-mobbiltà soċjali għall-familji li se jgħixu fihom.
“Fil-ħidma kollha li qegħdin inwettqu fis-settur tal-housing f’Malta, l-akkomodazzjoni soċjali tibqa’ dejjem ta’ prijorità għalina. Meta familja tiġi tħabbat fuq il-bieb tagħna għaliex għandha bżonn saqaf fuq rasha, permezz ta’ dawn il-units ġodda, l-istat se jkun f’pożizzjoni li jgħinha.”
Huwa tenna l-impenn tal-gvern li l-bini fis-siti kollha tal-housing soċjali jkomplu javvanzaw sabiex verament ikun qiegħed jiġi indirizzat is-suq kollu tal-housing f’pajjiżna b’mod ħolistiku.
“Huwa għalhekk li f’dawn iż-żminijiet straordinarji x-xogħol f’dawn is-siti baqa’ għaddej, wara li ttieħdu l-prekawzjonijiet kollha. Dan għaliex l-għan tagħna huwa li l-bini ta’ dan l-istock ġdid jibqa’ jipprogressa b’ritmu mgħaġġel, biex dik il-familja fil-bżonn inkunu nistgħu nagħtuha l-id ta’ għajnuna mill-aktar fiss,” tenna l-Ministru Galdes.
Huwa kkonkluda billi fakkar li dan l-investiment fil-housing soċjali huwa l-akbar wieħed fi żmien 40 sena.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay sostna li, “Permezz tal-bini ta’ units ġodda ta’ akkomodazzjoni soċjali, mhux qegħdin insegwu biss l-progress tax-xogħlijiet, iżda qegħdin nieħdu rwol attiv u dirett fil-qasam tal-housing f’Malta. Iżda parallel, qegħdin ukoll nindirizzaw il-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali billi nibnu skemi oħrajn li permezz tagħhom qegħdin ngħinu lil dawk li qegħdin fuq il-waiting list, filwaqt li nipprevjenu li persuna tiġi bżonn il-housing soċjali.”
Huwa temm jgħid li l-Awtorità tad-Djar se tkun qiegħda tassigura li l-istock ta’ housing soċjali jiġi allokat lill-persuni u familji li huma ġenwinament fil-bżonn.
Intant, bħalissa għaddejja ħidma intensiva fuq diversi siti oħra ta’ bini ta’ akkomodazzjoni soċjali madwar Malta, b’mod partikolari fis-siti ta’ Ħ’Attard, is-Siġġiewi, iż-Żurrieq, Bormla u Ħal Kirkop.