Fl-ewwel xahar tal-pandemija l-Gvern Malti investa bil-kbir biex isostni lill-ekonomija ta’ pajjiżna.
Dan sar permezz ta’ skemi li bihom ġew posposti l-pagamenti tat-taxxi għan-negozji kif ukoll billi n-negozji tħallew iżommu taxxi li kienu ġabru f’isem il-Gvern minn fuq il-ħaddiema tagħhom.
Apparti dan, il-Gvern daħħal benefiċċji soċjali fosthom għal dawk li waqfu jaħdmu biex jieħdu ħsieb lill-uliedhom jew għax huma vulnerabbli.
Riżultat ta’ dawn l-iskemi, il-Gvern irreġistra defiċit fil-Fond Konsolidat ta’ mitejn u erbatax-il miljun ewro f’Marzu.
Imqabbel ma’ sena ilu d-distakk bejn dħul u infiq huwa tliet darbiet akbar.
Id-dħul tal-Gvern naqas b’mija u tnax -il miljun ewro jew b’aktar minn terz.
Dan kien dovut għall-fatt li l-Gvern naqqas ħafna d-dħul mill-VAT, taxxa tad-dħul, mil-liċenzji u dwana, li bejniethom naqsu bi tmienja u sittin miljun ewro.
B’kuntrast id-dħul mill-bolla naqas biss b’erba’ miljun ewro, li jfisser li bosta nies żammew l-impjieg tagħhom anki permezz tal-miżuri tal-Gvern.
Il-Gvern irnexxielu wkoll jikkontrolla l-ispiża rikurrenti f’din il-pandemija, bl-istatistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO tindika li minkejja l-ispejjeż addizjonali fuq is-settur tas-saħħa, f’Marzu l-ispiża rikurrenti tal-Gvern naqset b’għoxrin mijun ewro jew sitta fil-mija.
Fl-istess ħin biex isostni lill-ekonomija u jitkompla l-pjan ambizzjuż ta’ investiment infrastrutturali u proġetti oħra fosthom favur it-tisħiħ tal-qasam tas-saħħa, ix-xahar li għadda, il-Gvern nefaq kwazi wieħed u disgħin miljun ewro fuq proġetti kapitali.
Dan fisser id-doppju tal-wieħed u erbgħin miljun ewro minn fuq sena ilu.
Fl-istess xahar, fl-aħħar sena ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista kienu intefqu tmintax-il miljun ewro biss.
Intant ħamsin miljun ewro miż-żieda fl-ispiża tal-Gvern din is-sena kienet dovuta għal miżuri marbuta mal-pandemija.