Il-Gvern s’issa diġa nefaq kważi għaxar miljun u nofs Ewro f’ pagi lill-ħaddiema milquta mill-pandemija tal-Coronavirus.
Dan tħabbar f’aġġornament f’konferenza stampa indirizzata mill-Ministru għall-Ekonomija u l-investiment Silvio Schembri u l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia.
Il-Malta Enterprise qed tiriċievi medja ta’ 200 applikazzjoni kuljum sabiex jibbenefikaw mill-miżuri tal-Malta Enterprise.
S’issa il-Malta Enterprise irċeviet iżjed minn 15,500 applikazzjoni għall-għotja ta’ 800 ewro għall-ħaddiema Full-time u ħames mitt ewro għall ħaddiema Part-time. Minnhom ġew proċessati iktar minn 6,500 applikazzjoni u 4,869 applikazzjoni ġew approvati. B’hekk diġa bbenefikaw kwazi 10,000 ħaddiem Full-time u kważi 1,900 ħaddiem Part-time.
Għall-għotja parzjali tal-paga, il-Malta Enterprise irċeviet iktar minn 2,600 applikazzjoni. Minnhom diġa ġew proċessati 1,129 applikazzjoni u approvat 668 applikazzjoni. B’hekk ibbenefikaw diġa –il fuq minn 1,900 ħaddiem Full-time u madwar 300 ħaddiem Part-time. Fuq din il-miżura l-gvern diġa nefaq 480,300 Ewro.
S’issa għal dawn il-miżuri kważi 95% tan-negozji li applikaw huma stabbiliti f’Malta bi ftit iktar minn 5% huma stabbiliti f’Għawdex.
Għall-miżura tal-leave tal-kwarantina il-Malta Enterprise diġa rċeviet 1,500 applikazzjoni li minnhom ġew proċessati madwar elf applikazzjoni.
F’ħames ġimgħat il-Malta Enterprise irċeviet kważi 22,800 telefonata għall-assistenza u b’kollox tat l-assistenza għall kważi 48 elf talba għall-assistenza fil-proċess tal-applikazzjoni għall-Miżuri offruti.
Il-Minisru Schembri stqarr li dawn l-aġġornamenti qed isiru sabiex il-poplu Malti u Għawdxi ikun jaf b’mod trasparenti kif qed jintefqu l-fondi pubbliċi. Huwa spjega li issa hemm pjan ta’ miżuri li ser ikunu qed jgħinu lin-negozji jerggħu jiftħu l-bibien tagħhom meta s-sitwazzjoni tibda tmur lura għan-normal.
Il-Kap eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia stqarr li għaddej proċess sħiħ sabiex l-applikazzjonijiet ikunu proċessati. Dan filwaqt li appella sabiex kull min japplika joqgħod attent li jibqa’ jwieġeb għall-korrispondenza mal-Awtorità.