Fi Frar, it-tkabbir annwali fl-għadd ta’ wasliet ta’ turisti baqa’ b’saħħtu.
Dan sostnieh il-Bank Ċentrali f’aġġornament ekonomiku ieħor li nħadem eżatt qabel feġġew l-ewwel każijiet tal-Coronavirus.
L-iljieli mqattgħin u l-infiq mit-turisti żdiedu b’ritmu aktar mgħaġġel filwaqt li l-volum tal-bejgħ bl-imnut kiber ukoll b’rata iktar mgħaġġla.
Ir-rapport tal-Bank Ċentrali jinnota li l-kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol baqgħu favorevoli filwaqt li r-rata tal-qgħad kienet fil-livell ta’ 3.3%.
In-numru tal-impjegati kompla jikber b’ritmu qawwi, b’żieda ta’ 5.7% fis-sena sa Ottubru 2019.
Il-Bank qal li ż-żieda fil-prezzijiet għall-konsumatur battiet fi Frar, bir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur kienet fil-livell ta’ 1.1% u r-rata mkejla skont l-Indiċi tal-Prezzijiet kient bl-imnut fil-livell ta’ 1%.