“Jekk għaddej minn tbatija u diffikultajiet, ħares ’il quddiem u nbidel.” Din kienet il-konklużjoni ta’ Kristy Ehrilich f’messaġġ b’saħħtu fuq is-sit soċjali tagħha flimkien ma’ ritratti tagħha biex turi t-trasformazzjoni minn meta kienet tabbuża mill-methamphetamine (crystal meth) u llum – studenta tal-accounts u omm, liema messaġġ rawh iżjed minn 400,000 darba.
L-omm ta’ 31 sena minn California sostniet li n-nies jgħidu li ladarba tkun missejt mad-droga ma tfiqx mill-vizzju kompletament. “Immeditajt u ħsibt u għaraft li m’għandix naqbel ma’ dan il-ħsieb. Bejni u bejn ruħi għidt: M’iniex nirkurpra iżda rkuprajt diġà. Ħrigt mill-vizju kompletament. Jien persuna ġdida u qatt mhu se nħares lura.”
Bdiet tabbuża mill-crystal meth meta kellha biss 14-il sena. Tgħid li s-sieħeb tagħha qabbadha l-vizzju. Iddeskrivietu bħala raġel ħażin ħafna.
Ġurnata fost l-oħrajn, it-tfajla qamet imbikkma tgħid lil ommha li kienet tinsab mitlufa. Qalitlha biex tħares lejn il-mera u tiġi konxja tas-sitwazzjoni li spiċċat fiha. Innutat il-kruha u l-piż li tilfet. Minn hemm bdiet it-triq għar-rijabilitazzjoni. Bl-għajnuna ta’ missierha tar-rispett, Ehrlich inqaflet għal ġimgħa sħiħa f’lukanda. Il-pass ta’ wara kien li jkollha kelb – Rockdog.
Illum hija miżżewġa, għandha tifla ta’ erba’ snin, u qed tagħmel degree fl-accounts.