Wara li l-metodu ta’ kif jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija ġie approvat mill-Parlament, il-Partit Nazzjonalista issa ried lil Prim Ministru jaqbad u jaħtar Kummissarju tal-Pulizija.
Fuq ix-xandir nazzjonali, fejn ġew diskussi l-ewwel mitt jum ta’ ħidma ta’ Robert Abela bħala Prim Ministru, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech saħaq li l-Prim Ministru missu ħatar Kummissarju tal-Pulizija mill-ewwel ġurnata mbagħad naraw wara.
Zammit Dimech qal: “U jgħid din għandha ssir mill-ewwel ġurnata tiegħi f’dan l-inkarigu. Ħalli mbagħad niddiskutu għal quddiem kif isiru ħatriet oħra.”
Din id-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista tikkuntrasta ma’ dak li ħambqet l-Oppożizzjoni stess dwar il-metodu kif jintgħażel il-Kummissarju tal-Pulizija.
L-Oppożizzjoni Nazzjonalista kienet ħadet pożizzjoni kontra l-metodu li ħabbar il-Gvern, li għall-ogħla kariga fil-korp tal-pulizija jkun hemm sejħa pubblika u li imbagħad il-persuni li jitfgħu isimhom jiġu skrutinizzati mill-kumitat parlamentari għall-ħatriet pubbliċi.
Iktar minn hekk il-Prim Ministru saħansitra rrinunzja l-veto li rrakkomandat li għandu jkollu l-Kummissjoni Venezja.
Iżda l-pożizzjoni tal-Opożizzjoni dwar il-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija kienet li jinħatar biż-żewġ terzi mill-Parlament.
Proposta li ġiet imfissra minn bosta bħala waħda mhiex tennibbli għaliex mhux fattibbli u l-ebda Kummissarju tal-Pulizija fl-Ewropa qatt ma nħatar b’vot taż-żewġ terzi.
Intant fil-programm, Zammit Dimech fisser li l-fiduċja li jgawdi Robert Abela mill-poplu, anki skont numru ta’ sondaġġi li saru, ġejja għaliex il-Gvern jagħmel propaganda u jdaħħal li jidhirlu f’moħħ in-nies.
Huwa sostna: “Il-Gvern għandu magna qawwija ta’ propaganda li toħloq il-kunċett f’moħħ in-nies li issa f’daqqa waħda qisu kollox normali.”
It-tweġiba għall-argument tas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, li saħansitra kien deputat Nazzjonalista fit-tmeninijiet kienet waħda ċara mill-President tal-Partit Laburista, il-perit Daniel Micallef.
Huwa sostna: “Dak li qal Francis Zammit Dimech li qisu għandna poplu stupidu li jibla’ l-propoganda li kollox huwa normali u n-nies huma kuntenti għax in-nies huma stupidi għax hekk implika Dr Zammit Dimech.”