It-talba ta’ Malta biex l-Unjoni Ewropea tgħin lil-Libja kisbet l-appoġġ u ġiet aċċettata.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo f’messaġġ fuq facebook fejn stqarr li waqt laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea ġiet aċċettata l-proposta Maltija t’għajnuna umanitarja fil-Libja biex fost l-oħrajn jitrażżan it-traffikar uman.
Qal li l-għajnuna tal-Unjoni Ewropea fil-Libja tinkludi assistenza lil gwardja tal-kosta Libjana sabiex tikkontrolla t-traffikar tal-bnedmin.
Il-Ministru Bartolo qal li bħalissa hemm madwar kwart ta’ miljun persuna fuq il-kosta Libjana lesti biex jaqsmu l-Mediterran.
Iżjed tard din is-sena se jsiru taħdidiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana sabiex isir xogħol ħalli l-kundizzjonijiet tal-ħajja tan-nies fl-Afrika jitjiebu u dawn ifittxu futur f’pajjiżhom stess.
“Dak li tlabna aħna huwa biss pillola biex inaqqas l-uġigħ tal-Libjani. Il-Libja għandha bżonn operazzjoni maġġuri biex terġa’ tiġi f’tagħha, tfieq u tagħti ħajja ġdida lil dawk jgħixu fiha”, saħaq il-Ministru Evarist Bartolo.
Il-Ministru Bartolo saħaq li l-konsegwenzi ta’ din il-pandemija jistgħu jkunu terribbli meta tikkunsidra l-ġlied li diġà hemm fil-Libja.
Hu saħaq li pajjiżna ser ikompli jaħdem għal soluzzjoni politika permanenti biex il-Libja tqum fuq saqajha u tgawdi l-paċi biex b’hekk toffri futur mistħoqq liċ-ċittadini tagħha.
Il-Ministru stqarr li minkejja ċ-ċokon tagħna, irnexxielna nikkonvinċu figuri ewlenin fix-xena internazzjonali biex din il-missjoni umanitarja sseħħ fosthom tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà Josep Borrell u tal-Kummissarju Ewropew Ungeriż Olivér Várhelyi.
Il-Ministru tenna li f’dan ir-rigward għad baqa’ ħafna xi jsir iżda din il-missjoni toffri t-tama għal aktar progress.
Hu saħaq li hemm bżonn ta’ sistema ġusta sabiex kulħadd jerfa’ r-responsabbilità u pajjiżna ma jitħalliex waħdu jissielet din il-kwistjoni pertinenti.
Huwa temm il-messaġġ tiegħu billi rringrazzja lill-Unjoni Ewropea iżda wissa li għad baqa’ ħafna xogħol diffiċli xi jsir.
Intant l-għajnuna umanitarja kif imfissra l-ġimgħa l-oħra mill-Gvern Malti tikkonsisti f’ikel, għajnuna, mediċina u apparat mediku.
Malta kienet irrimarkat li lesta li tilgħab rwol f’dan kollu u se tkun hemm biex tara li din l-għajnuna umanitarja tasal fid-destinazzjoni tagħha.
Il-Ministru Evarist Bartolo kien qal li l-Gvern Malti lest jgħin lill-Libja fix-xiri ta’ apparat mediku, li bħalissa mhux sempliċi biex issib, biex jingħata trattament ta’ saħħa fil-Libja.