Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici ppreżenta prodotti tal-ħaxix li tkabbru mill-istudenti tal-Agrikummerċ bħala donazzjoni lill-Community Chest Fund. Dawn il-prodotti tal-ħaxix huma riżultat tax-xogħol li sar minn studenti li qed jistudjaw dan is-suġġett fl-iskola sekondarja tal-Ħandaq, li tagħmel parti mill-Kulleġġ ta’ San Injazju.
Is-setturi tal-agrikultura u tas-sajd jilagħbu parti importanti ħafna fiċ-ċirkustanzi li ngħixu fihom preżentament għax il-bdiewa u s-sajjieda tagħna qed iserrħulna rasna billi jżommu għaddejja l-provvista tal-ikel frisk li bħala poplu għandna bżonn ta’ kuljum.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li, “Kien bil-għan li jiġi sostnut u msaħħaħ dan is-settur tal-Agrikummerċ li fl-2014 ġie introdott l-istudju ta’ dan is-suġġett fi tliet skejjel sekondarji tal-Istat u f’waħda tal-Knisja fejn fihom kien hemm l-art u l-faċilitajiet meħtieġa għat-tagħlim tal-agrikultura, tal-akwakultura u tat-trobbija tal-annimali. Minn dik is-sena ’l quddiem ġew imħarrġa numru ta’ għalliema f’dan is-suġġett u sa issa 130 student għażlu li jistudjawh. Persentaġġ sabiħ ħafna ta’ 80% minnhom irnexxielhom iġibu l-kwalifika tas-SEC f’dan is-suġġett.”
Iċ-Chairperson tal-Bord Amministrattiv tal-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF) Marlene Mizzi rringrazzjat lill-istudenti għad-donazzjoni tal-frott u tal-ħaxix u faħħret l-impenn li qed juru fl-istudji tagħhom. Qalet li l-MCCFF tgħin persuni vulnerabbli matul is-sena kollha u li l-frott u l-ħaxix li tkabbru mill-istudenti se jingħata lil Dar Merħba Bik b’ġest ta’ solidarjetà man-nisa vittmi ta’ vjolenza domestika. F’isem il-MCCFF, is-Sinjura Mizzi ħeġġet lill-istudenti jkomplu jistudjaw f’dan il-qasam importanti u awguratilhom kull suċċess fl-istudji tagħhom.
Dan is-suġġett jitlob li l-istudenti jitgħallmu japplikaw b’mod prattiku l-għarfien tax-xjenza (il-fiżika, il-kimika u l-bijoloġija), l-għarfien tat-teknoloġija u l-għarfien tal-prinċipji tal-intrapriża. Parti mill-evalwazzjoni ta’ x’jitgħallmu l-istudenti hi l-kwalità u l-varjetà tal-prodotti li jiżirgħu u jaħsdu, u l-ħut u l-annimali li jrabbu.
Il-prodotti li ġew mogħtija huma kampjun tal-istudju u tax-xogħol prattiku tal-istudenti tal-Agrikummerċ fl-iskola sekondarja tal-Ħandaq fi ħdan il-Kulleġġ San Injazju. Il-ministeru xtaq li jkompli jagħmel il-parti tiegħu biex verament jgħin lil min hu fil-bżonn u b’hekk kien hemm ix-xewqa li dan il-prodott jingħata b’donazzjoni lill-Community Chest Fund bħala ġest ta’ solidarjetà ma’ familji fil-bżonn.