Fi żjara ġewwa l-kumpanija CassarCamilleri, il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna faħħar l-inizjattiva tal-management tal-kumpanija li f’dan iż-żmien partikolari, waqt l-imxija tal-Covid-19, żiedu fuq il-linja tal-produzzjoni fejn issoltu jippropduċu prodotti bħal squashes u l-ilma sabiex jipproduċu hand sanitizer li minnha ser jibbenefikaw l-isptarijiet u l-pubbliku Malti.
Fid-dawl ta’ din il-kriżi bla preċedent li pajjiżna qed jesperjenza bħalissa, il-kumpanija CassarCamilleri kienet innovattiva u ħadet miżuri sabiex tassigura kontinwità fin-negozju, li jfisser assigurazzjoni tal-impjieg tal-impjegati tagħha, u li fl-istess waqt tgħin lill-isptarijiet u lill-pubbliku ġenerali, wara ż-żieda sostanzjali fid-domanda għall-hand sanitizers. Il-kumpanija ser tkun qed tagħti donazzjoni ta’ 6700 flixkun hand santizer lill-gvern, sabiex ikunu jistgħu jintużaw fl-isptarijiet Maltin.
Il-Ministru Scicluna rringrazzja lill-kumpanija ta’ dan il-ġest f’dan iż-żmien ta’ sfida. Hu qal, “Bħala Gvern, qed naraw u nisimgħu l-bżonnijiet li jinħolqu kuljum f’dan iż-żmien parikolari u qed nieħdu azzjoni mill-ewwel. F’dan il-każ, tajna wkoll eżenzjoni mill-ħlas tas-sisa fuq l-alkoħol ‘denatured’ lill-produtturi kollha f’pajjiżna, sabiex jipproduċu sanitizers hawn Malta stess, li huma tant essenzjali f’dan iż-żmien li qed ngħixu.”
Iċ-Chairman tal-kumpanija Jeremy Cassar qal li, “Fi żmien fejn kulħadd jeħtieġ li jagħmel il-parti tiegħu sabiex ngħinu lil xulxin, il-kumpanija tagħna CassarCamilleri hija kburija li qed tappoġgja lill-awtoritajiet tas-saħħa lokali b’donazzjoni ta’ numru ta’ fliexken ta’ hand sanitizers. Bħala kumpanija, użajna l-faċilitajiet ta’ ppakkjar f’San Ġwann biex nipproduċu dan il-prodott.” Huwa kompla billi rringrazzja lill-Ministru għall-Finanzi tal-intervent tiegħu sabiex tingħata l-eżenzjoni tal-ħlas tad-dazju fuq is-sisa, u lill-awtoritajiet tas-saħħa tax-xogħol li qed jagħmlu biex tiġi kkontrollata l-pandemija.